Minn Cristian Muscat
Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn l-isquash, u kif ġejt introdotta għal dan l-isport?
Qabel ma bdejt nilgħab l-isquash, jien kont nilgħab ħafna tennis, iżda darba mort ma’ ħabiba tiegħi li kienet tilgħab l-isquash, il-Marsa Sports Club, u minn hemm beda n-namur tiegħi għal dan l-isport u baqa’ dejjem jikber matul is-snin.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president tal-Malta Squash Association.
Bħala president tal-Malta Squash Association, jiena involuta fid-‘day-to-day running’ tal-assoċjazzjoni. Ikolli ħafna laqgħat mal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u SportMalta u anke nattendi seminars u konferenzi fuq l-isport. Aħna għandna kumitat żgħir iżda li jaħdem ħafna. Kulħadd għandu r-rwol tiegħu u nista’ ngħid li naqblu kważi dejjem. Dan jagħmel ir-rwol tiegħi ta’ president faċli. Niltaqgħu darba fix-xahar u niddiskutu l-problemi li jinqalgħu u l-pjanijiet għall-futur.
X’tikkummnena fuq is-suċċess inkredibbli li nkiseb mill-isquash fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żghar li saret proprju ġewwa pajjiżna?
Kif tista’ timmaġina, ninsabu kburin ħafna bl-atleti tagħna li ħadmu u għamlu ħafna sagrifiċċji biex kisbu dan is-suċċess. Konna nafu li kienu ppreparati iżda qatt ma tista’ tkun ċert. L-oppożizzjoni kienet qawwija iżda rnexxielhom jegħlbuhom biex kisbu deheb u fidda f’ħames mis-sitt tournaments li kellna. Nixtieq hawn nirringrazzja lill MOC u lill SportMalta li mingħajr is-sapport kbir li kellna mingħandhom, kemm qabel kif ukoll matul il-logħob, ma stajniex niksbu dawn ir-riżultati.
Kif tiddeskrivi x-xena tal-isquash f’Malta fil-preżent?
Ix-xena tal-isquash f’Malta qiegħda tikber. Aktar nies qegħdin jippratikkaw dan l-isport bħala passatemp. Nibdew inħarrġu lit-tfal minn etá bikrija u għandna numru ta’ tfal b’ talent kbir, li jittrenjaw mill-anqas darbtejn fil-ġimgħa. Huma jieħdu parti wkoll f’diversi junior tournaments barra minn pajjiżna. Norganizzaw ħafna tournaments matul is-sena u dejjem ikollna numru kbir ta’ plejers li jieħdu sehem. It-tfal ukoll jieħdu sehem f’dawn it-tournaments u jilagħbu kontra l-kbar.
Għandna kampjonat nazzjonali li fih jistgħu jilagħbu plejers ta’ kull livell. In-numru ta’ Squash courts ukoll qiegħed jikber.
Bħala riżorsi fejn tilagħbu l-isquash f’pajjiżna, kif tiddeskrivihom?
Sfortunament m’hawnx Squash clubs f’ Malta iżda Squash courts ġo klabbs u għalhekk wieħed irid ikun membru ta’ dak il-klabb biex ikun jista’ juża l-courts. Anke t-taħriġ tat-timijiet nazzjonali isir ġo dawn il-klabbs u għalhekk għandna spiża kbira. Iċ-ċentru nazzjonali tal-isquash li għandu jkun lest ix-xahar id-dieħel, ser ikollu courts għad-doubles u għalhekk ser jagħmel differenza kbira għaliex it-timijiet ser ikollhom fejn jitħarrġu kemm fil-logħba tas-singles kif ukoll f’dik tad-doubles. Ser ikun hemm ukoll court kollu tal-ħġieġ. Importanti li l-atleti tagħna jkollhom l-esperjenza li jilagħbu f’dan il-court.
Fl-aħħar ta’ Marzu li ġej għandna tournament internazzjonali taż-żgħażagħ, imbagħad fl-ewwel ġimgħa ta’ April ser jintlagħbu l-European Team Championships f’Malta. F’Ġunju ser ikun hemm il-Malta National Championships, kemm tas-singles kif ukoll tad-doubles. Fl-aħħar ta’ Novembru il-Malta Open ser titqies bħala tournament tal-Professional Squash Association. Imbagħad nispiċċaw b’tournament ieħor internazzjonali, dak tal-European Masters. Dan kollu, minbarra l-avvenimenti kollha li norganizzaw matul is-sena, kemm għall-kbar kif ukoll għat-tfal bħas-summmer camps.
Kif qed tara l-futur tal-isquash f’pajjiżna?
Kif għidt qabel, għandna ħafna tfal tiegħin li għandhom talent kbir. Għandna żewġt itfal fl-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS) u qegħdin nisperaw li jidħlu tnejn oħra f’ Ottubru li ġej. Il-parti l-kbira tal-plejers tat-timijiet nazzjonali għadhom żgħar u baqgħalhom ħafna snin ta’ logħob. Kif taf għandna tifla ta’ 14-il sena u tifel ta’ 17-il sena jilagħbu mat-tim nazzjonali. Dan jawgura tajjeb għall-futur tal-isquash f’ Malta.
Sfortunatament l-isquash mhux dejjem ikun inkluż fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar iżda t-timijiet tagħna jieħdu sehem f’ħafna tournaments Eworpej matul is-sena. Is-suċċess li kellna f’ dawn il-logħob iservi biex iħajjar aktar żgħażagħ biex jibdew jipprattikaw l-isquash.
Għaddi messagġ finali li min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isquash.
Nixtieq ngħid lill kull min qiegħed jaħseb biex jagħmel karriera fl-isquash li m’ għandux jaqta’ qalbu għaliex isib is-sapport kollu li jeħtieġ. Għandna ħafna għajnuna mill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u minn SportMalta. Wieħed għandu jikkuntattja lill-Assoċjazzjoni u niggwidawh f’dak li għandu jagħmel.