Thursday, April 25, 2024

“ll-Covid-19 serqitli l-fejqan li ħdimt għalih snin ilu”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Lil Karmenu sa ftit xhur ilu kont issibu  jgħid kelmtejn ma’ sħabu fuq il-bankijiet tar-raħal fejn jgħix. Mindu faqqgħet il-pandemija f’Malta, bħal ħafna oħrajn spiċċa maqful f’daru. Quddiem ċertu kundizzjonijiet li jbati minnhom, il-parir li kien ingħata kien li aħjar joqgħod ġewwa u b’hekk inaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni. Karmenu, llum imma qed jitkellem fuq problema oħra. Kien ħeles minnha daqs 20 sena ilu, wara programm intensiv li kien għamel. Karmenu llum reġa’ waqa’ għal vizzju tax-xorb. Jilqgħek f’daru. Ma’ l-ewwel ftit kliem li jlissen kif jilqgħek, ixxomm riħa qawwija ta’ xorb. Fi kliemu stess ‘il-Covid19 seraqli l-fejqan’.  “Marti li llum m’għadhiex magħna, kienet insistiet ħafna li nagħmel il-programm u neħles mill-vizzju tal-alkohol. Kont ħlist minnu mal-bidu tal-millenju. Issa erġajt waqajt għalih. Sirt ma ngħaddix mingħajru.”

Inewsmalta stħarreġ dwar dan u kollox qed jindika li fil-kważi seba’ xhur li ilha magħna din il-pandemija, żdiedu sew il-persuni li waqgħu fil-vizzju tax-xorb. Hemm oħrajn li għal snin sħaħ kienu ħielsa minn dan il-vizzju imma issa reġgħu waqgħu f’dan il-vizzju.

Fi kliem Karmenu: “jien kelli problema kbira. Flixkun inbid, ikun kif ikun kont inniżżlu. Spiċċajt kont fi problemi kbar anki ta’ saħħa. Marti,  kienet insistiet li nagħmel programm. Dejjem kont nirreżisti għax kont ngħidilha li x’ħin irrid nieqaf.  Kont irrealizzajt li ma nistax nieqaf. Bl-għajnuna tagħha, kont bdejt programm. Ma kinitx faċli toħroġ mill-vizzju. Kemm kienet diffiċli. Tmur attività soċjali u mill-ewwel issib l-alkohol. Maż-żmien drajt. Kont inżomm bogħod minnu u maż-żmien lanqas bdejt nagħti kasu. Kienet ir-riżoluzzjoni tiegħi għal millenju. Daqshekk kont ilni ħieles mill-vizzju tal-inbid.”

Karmenu jgħidilna li “mindu daħlet il-“Covid19, spiċċajt ġewwa.  Waħdi id-dar.  Imbeżża minn dan il-virus għax jien vulnerabbli. Qisni bla ma nafx eżattament kif, spiċċajt mill-ġdid nixtri l-inbid. Bdejt nieħu ftit ġo tazza. Issa spiċċajt ma’ nistax ngħaddi mingħajru. Il-Covid serqitli l-fejqan li kont ġibt b’ħafna tbatija”.

Jirrakkont dan u jurik kaxxa tal-kartun bi fliexken tal-inbid stivati, ovvjament vojti b’oħrajn mimlijin fuq il-mejda għal lest biex jinxtorbu. “Fih qed ngħaddi ż-żmien. Kemm se ndum nisma.? Kemm se ndum hawn magħluq? Żvugajt fih.”

“Bil-lockdown bdejn nixrob u ma nistax nieqaf’ – Noel Xerri mill-Fondazzjoni Oasi jikkonferma żieda fil-każi

Inewsmalta tkellmet ma’ Noel Xerri mill-Fondazzjoni Oasi, li taħdem ħafna ma’ persuni li jkollhom problemi ta’ abbuż mill-alkohol. 

Qalilna li “nista’ nikkonferma li mindu faqqgħet l-imxija f’pajjiżna, qed naraw żieda ta’ dawk li spiċċaw b’vizzju tal-alkohol.  Kellna nies li kkuntattjawna u qalilna li qed iżidu fil-konsum tal-alkohol. Nista’ ngħidlek li kellna persuna li għamlet kuntatt magħna u din kienet ilha ħielsa mill-abbuż tal-alkohol sa mis-sena 2002. Minn dak inhar baqgħet ma xorbotx. Din għamlet kuntatt magħna u qaltilna li reġgħet waqgħet għall-alkohol. Qaltilna li meta kien sar dak l-ispeċi ta’ lockdown bdiet nixrob u ma nistax tieqaf”.

Noel Xerri qalilna ukoll li “fl-aħħar sigħat cemplitli mara oħra li għadha żgħira. Għandha 34 sena. Din kienet  ilha ma tixrobx. Qaltli li issa iffissat u l-unika soluzzjoni li sabet kienet l-alkohol”.

Jgħidilna li “hemm diversi raġunijiet għaliex dan l-abbuż qed jiżdied. Hemm il-fatt tal-ansjetà. Il-biża li dak li jkun jimrad bil-virus. Apparti dan il-ħajja soċjali ġiet ristretta. Kellna anzjani li kull filgħodu bejn 10 u nofsinhar kienu jmorru attivitajiet organizzati għall-anzjani. Dawn issa waqfu. Din spiċċat tixrob. Meta l-bniedem ma jibqax attiv, ikun imbeżża u iżoltat, jaf jispiċċa jdur għall-alkohol. Anki jekk tkun fiqt mill-abbuż jaf tirritorna għalih. Il-moħħ tal-bniedem ikun tgħallem ċertu xejriet u jaf jirrikorri għalihom f’sitwazzjonijiet partikolari. Bħala OASI bqajna noffru servizzi. Fil-lockdown konna niltaqgħu ma’ dawk bil-vizzju onlajn. Bħala servizzi ma waqafniex”.

‘Mhux ċar kemm kibret il-problema tal-abbuż mill-alkohol” – Manuel Mangani

Inewsmalta tkellmet ukoll ma’ Manuel Mangani, mill-organizazzjoni Amethyst, li taħdem kontra l-abbuż mill-alkohol. Hu jgħidilna li “meta konna locked down( jew kważi), ħafna, bejn minħabba l-ansjetà u bejn minħabba l-monotonija  bdew jixorbu jew żiedu fl-ammont li kienu jixorbu. Hemm numru ta’ nies (imma għadu mhux ċar kemm hu kbir) li fihom feġġet problema tax-xorb minħabba f’hekk. L-aġenziji li joffru l-għajnuna għamlu li setgħu permezz tat-teknoloġija, imma mhux dejjem setgħu jagħtu s-servizz li kienu jixtiequ joffru. Illum is-sitwazzjoni nbidlet u qiegħed jingħata servizz individwali wiċċ imb wiċċ.”

Jisħaq li “parti importanti mill-kura għall-alkoħoliżmu  huma l-gruppi li diversi għaqdiet li jaħdmu f’dan il-kamp jorganizzaw regolarment għall-membri tagħhom. Minħabba l-Covid-19, dawn il-gruppi ma jistgħux isiru aktar wiċċ imb wiċċ.  L-għaqdiet, inklużi aħna ta’ Amethyst, qegħdin jiltaqgħu onlajn.

L-esperjenza onlajn hija waħda ġdida. Hemm min adatta għaliha u jħossu komdu jitkellem fuq il-problemi tax-xorb permezz tal-laptop jew il-mobile. Hemm min isibha diffiċli għax il-kuntatt elettroniku ma jdoqqlux, jew nkella għax nieqes mill-ħiliet meħtieġa biex jikkomunika b’dan il-mod. Iebsa l-aktar fil-każ ta’ min m’ilux li rrealizza li jista’ jkollu problema. Il-kuntatt personali huwa dejjem importanti, imma fil-bidu tal-mixja lejn ħajja normali mingħajr xorb huwa essenzjali. Min jaħseb li għandu problema (jew inkwetat fuq xi ħadd li qed jixrob ħafna) xorta għandu jikkuntattjaw lil sedqa, Oasi, AA jew Amethyst. L-għajnuna għadha hemm, anke jekk f’xi każi tingħata b’mod mhux tas-soltu”, temm jgħid Manuel Mangani.

Sport