Sunday, December 22, 2024

ll-PBS immultati b’rabta ma’ filmat li xandru dwar il-qtil ta’ Eġizzjan fil-Marsa

Aqra wkoll

Il-PBS ammetta l-akkużi kollha mressqa fil-konfront tiegħu mill-Awtorità tax-Xandir b’rabta mar-rappurtaġġ tad-delitt ta’ Mahmoud Adly fil-Marsa u l-istazzjon kien ordnat iħallas penali ta’ Eur3,610. 

Fil-bulettini tal-aħbarijiet tat-20:00 li xxandru nhar il-Ħadd 24 ta’ Lulju 2022 fuq l-istazzjonijiet TVM u TVMNews+ ixxandar servizz li fih dehru filmati espliċiti ta’ tim mediku tal-isptar Mater Dei jamministra s-CPR u proċeduri oħra ta’ rijanimazzjoni fuq Mahmoud Adly qabel ma dan iddaħħal fl-ambulanza. Fis-servizz intwerew ukoll xeni mill-qrib tal-istess persuna b’tali mod li din setgħet tkun faċilment rikonoxxibbli. 

Dan sar minkejja li sa dak il-ħin l-identità ta’ Mahmoud Adly kienet għadha mhux magħrufa. Barra minnhekk, TVM u TVMNews+ fl-ebda ħin ma indikaw li l-filmati setgħu ma kinux addattati għat-tfal jew li setgħu jimmpressjonaw lill-udjenzi. Dan wassal kemm għall-investigazzjoni min-naħa tal-Awtorità tax-Xandir, kif ukoll għal reazzjoni pubblika. 

Mill-investigazzjoni li għamlet l-Awtorità tax-Xandir irriżulta li dan is-servizz ixxandar bi ksur ta’: 

  • Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir (minn aspett ta’ gosti tajbin);
  • Paragrafi 2.2, 2.3, 2,4, 2.7 u 3.2.5 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.16, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar kif Għandhom ikunu Rappurtati Traġedji fix-Xandir (li jirrigwardaw ir-rispett u d-dinjità tal-vittma u l-qraba tagħha); 
  • Paragrafu 8.8 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti (minn aspett ta’ sensazzjonaliżmu u protezzjoni tal-udjenzi). 

Fid-dawl tal-akkuża maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir nhar is-26 ta’ Lulju 2022, permezz ta’ ittra datata 3 ta’ Awwissu 2022, il-PBS ammetta l-akkużi kollha mressqa fil-konfront tiegħu u filwaqt li kkundanna l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-filmati, saħaq li kienet se tittieħed “azzjoni immedjata” għat-tisħiħ tal-miżuri neċessarji biex dawn l-inċidenti ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. 

Ekonomija

Sport