Thursday, December 26, 2024

ll-VCA se żżid ir-ritmu ta’ attivitajiet is-sena d-dieħla

- Intervista maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-ħidma ma taqta’ xejn tal-Aġenzija se tibqa’ għaddejja bl-istess ritmu jekk mhux iżjed is-sena d-dieħla. Fil-fatt fl-ewwel ġimgħat tas-sena 2024 se nkunu qed inħabbru l-programm kulturali li għandna mfassal għal dik is-sena.”

Iddikjara dan iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) Jason Micallef f’intervista li saritlu minn dan is-sit dwar il-ħidma tal-Aġenzija matul din is-sena li waslet biex tintemm u x’hemm ippjanat għas-sena d-dieħla. 

Ma naqasx ukoll li f’din l-intervista nirreferu għall-premju li rebħet l-Aġenzija fil-kategorija tal-aktar organizzazzjoni inklussiva fil-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena. 

Xi jfisser dan l-unur għall-Aġenzija?

Dan bla dubju huwa unur prestiġjuż għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Kien tassew ta’ sodisfazzjoni kbir nara l-programm kulturali ta’ din is-sena jirbaħ fil-kategorija tal-inklużjoni u l-aċċessibilità waqt il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2023.

Dan l-unur huwa frott tal-ħidma kbira li lkoll nagħmlu bħala tim biex l-attivitajiet kollha li l-Aġenzija torganizza fil-Belt Valletta, ikollhom għan ewlieni ta’ inklużjoni u aċċessibbiltà għal kulħadd mingħajr l-ebda distinzjoni.

Nixtieq nerġa’ nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lit-tim formidabbli u talentuż tal-Aġenzija tal-ħeġġa, il-grinta u d-dedikazzjoni kbira li għandhom.

Din is-sena bħal kull sena oħra kellha programm kulturali mżewwaq b’attivitajiet mill-isbaħ. Tagħtina sommarju ta’ dan il-programm u tgħidilna wkoll dwar ir-rispons min-nies għalihom?

Din is-sena kif għedt tajjeb inti kellna għal darb’oħra programm mill-aqwa mimli attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija inkarigata mill-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ Programm Kulturali annwali għall-Belt Valletta biex tistimula l-inklużjoni, l-aċċess u l-parteċipazzjoni filwaqt li tippermetti l-iżvilupp ta’ ħiliet kreattivi ma’ diversi artisti, partijiet interessati, membri tal-komunità u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi.

Bħala parti mill-Programm Kulturali tagħha, l-Aġenzija tieħu approċċ multidixxiplinarju li jiffoka mhux biss fuq spettakli fuq skala kbira iżda wkoll fuq l-aspetti kollha tal-arti u l-kultura, fosthom l-arti viżiva fil-forom kollha tagħha, il-mużika, it-teatru, il-film, l-edukazzjoni kulturali f’dak li għandu x’jaqsam mal-arti permezz ta’ diversi workshops, kif ukoll id-disinn u dak kollu li huwa kreattiv permezz tal-Valletta Design Cluster.

Wieħed mill-ewwel avvenimenti tal-VCA għas-sena 2023 kien jifforma parti mill-programm ta’ Strada Stretta, programm tant popolari fost l-udjenza tagħna. Bdejna bl-avveniment The Spirit of ’73 fi Strada Stretta, li kien suċċess kbir. L-avveniment ħabat ukoll mal-festi tal-Karnival, u dawk li attendew ġew imħeġġa jilbsu kostum b’tema tas-snin 70.

L-udjenza esperjenzat mużika mill-aqwa tas-snin 70 grazzi għal The Strait Collective, band iffurmata għall-okkażjoni b’uħud mill-mużiċisti u kantanti l-aktar magħrufa fil-gżejjer, kif ukoll mistieden speċjali, l-awtur u kitarrist Taljan, Fabrizio Fedele.

Fl-ewwel sena minn mindu l-VCA nediet il-programm ġdid ta’ avvenimenti artistiċi u kulturali għal Strada Stretta (Settembru 2022 – Settembru 2023), it-triq kompliet tiġi rivitalizzata permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kulturali u ta’ divertiment li xprunaw attendenzi tassew impressjonanti. 

Minkejja l-ispazju ristrett fi Strada Stretta, il-programm ta’ attivitajiet ittella’ f’seba’ postijiet differenti, bil-possibilità li dawn jiżdiedu fil-futur qarib.  F’din l-ewwel sena, ittellgħu mhux anqas minn seba’ kunċerti mużikali ta’ ġeneri varji, 20 film klassiku u ‘cult’, kif ukoll dramm popolari maqlub għall-Malti.

Ix-xahar ta’ Marzu beda l-vjaġġ lejn it-tfassil ta’ installazzjoni għall-proġett City of Colour, xogħol artistiku kkulurit imdendel fi Triq in-Nofsinhar, il-Belt Valletta. L-istadji inizjali ta’ din l-installazzjoni l-ġdida bdew hekk kif artisti u kreattivi li applikaw biex ikunu parti minn dan il-proġett taħt waħda mis-sejħa għall-parteċipanti li ħarġet l-Aġenzija, ħadmu flimkien taħt il-gwida tat-tim ta’ I+A Malta fil-Valletta Design Cluster.

L-arti finali ġiet installata matul ix-xhur tas-sajf. Dan il-proġett huwa wieħed mill-proġetti tal-VCA li ma jagħtix biss importanza lill-prodott finali, iżda wkoll lill-edukazzjoni tal-artisti lokali tagħna, u dawk li jaspiraw li jikbru fl-espressjoni artistika tagħhom.

L-Aġenzija tellgħet ukoll l-ewwel produzzjoni fuq skala kbira tagħha f’Marzu, TOSCA ta’ Giacomo Puccini. Dan l-avveniment, organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, kellu bħala direttur u protagonista lit-tenur ta’ fama dinjija José Cura, flimkien ma’ KorMalta u l-Malta Philharmonic Orchestra.

Dan l-avveniment kien xhieda ċara tal-impenn tal-Aġenzija lejn it-trawwim ta’ kollaborazzjoni internazzjonali, kif ukoll lejn l-iffaċilitar tal-kollaborazzjoni ma’ Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra.

F’April, l-Aġenzija tellgħet installazzjoni oħra, din id-darba fjakkolata fil-forma tal-għolja tal-kalvarju għall-Ġimgħa Mqaddsa bejn it-3 u s-7 ta’ April fi Pjazza San Ġorġ. F’dan il-perjodu, l-Aġenzija kkollaborat ma’ Spazju Kreattiv fuq xogħol teatrali soċjo-reliġjuż bl-isem ta’ FIT-3.00PM. L-atturi magħrufa Joseph Galea u Carlos Farrugia ħejjew din il-produzzjoni bbażata fuq skript ta’ Lon Kirkop.

F’April, l-Aġenzija tellgħet ukoll kunċert b’element bijografiku li ċċelebra artista prominenti Maltija, bil-ħsieb li dan ma jibqax biss proġett ta’ darba, iżda jsir sensiela li tiċċelebra lill-ġganti  lokali li kkontribwixxu fil-qasam kulturali u artistiku ta’ pajjiżna tal-preżent u tal-passat. L-ewwel kunċert f’din is-sensiela kien dak Mary Spiteri: My Life, bi prestazzjonijiet minn Mary Spiteri nnifisha kif ukoll intervista intima mal-kantanta fejn tkellmet dwar il-ħajja professjonali u personali tagħha. Il-kunċert kien suċċess kbir, u d-domanda u l-attendenza kienu impressjonanti. 

Fl-istess xahar, permezz tal-programm tagħha għal Strada Stretta, l-Aġenzija pproduċiet ARTI, l-ewwel verżjoni bil-Malti li qatt saret tad-dramm Art ta’ Yasmina Reza, bi traduzzjoni u direzzjoni ta’ Albert Marshall, u bis-sehem tal-atturi lokali Mikhail Basmadjian, Ray Calleja u Sean Buhagiar bħala l-atturi ewlenin. 

F’Mejju, l-Aġenzija għal darb’oħra ospitat il-Valletta Green Festival, li bidel Pjazza San Gorg fi ġnien fantastiku. Il-festival ħabat ukoll ma’ Jum l-Omm. Minbarra d-dehra mill-isbaħ li ngħatat lil Pjazza San Ġorġ f’dawn il-jiem matul il-festival, kien hemm diversi stands edukattivi li offrew informazzjoni siewja lill-pubbliku dwar l-ambjent ta’ madwarna u kif għandna nibżgħu għalih. Fi tmiem il-festival, diversi fjuri ġew mogħtija lill-komunità permezz tal-kunsilli lokali. 

Aktar tard matul Mejju, l-Aġenzija kkollaborat mal-artist lokali Luke Azzopardi fuq l-esibizzjoni Decadence, Now fejn ġew esibiti diversi oġġetti tal-arti mill-perjodu Dekadenti. L-Aġenzija saħħet ukoll il-kollaborazzjoni tagħha mal-Valletta Concours d’Elegance f’Mejju, b’edizzjoni oħra ta’ dan il-festival għal dawk kollha li jħobbu l-karozzi klassiċi. 

Intant, il-Valletta Design Cluster ospita lill-artista f’residenza Esyllt Angharad Lewis b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed bħala parti minn Ulysses’ Shelter 3, proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programm Ewropa Kreattiva.

F’Ġunju, l-Aġenzija tellgħet għadd ta’ avvenimenti popolari annwali li dejjem jiġbdu l-folol. Fil-bidu tax-xahar, l-Aġenzija organizzat Cinema City, attività bla ħlas ta’ wiri ta’ films mifruxa fuq ħamest ijiem fil-Ġonna Laparelli, b’film differenti kull lejl, inklużi films Maltin, immirati għal udjenzi ta’ etajiet differenti. 

Avveniment ieħor ta’ suċċess li sar f’Ġunju fi Pjazza San Ġorġ kien Opera in the City: The Three Tenors. Din is-serata kienet tittratta t-tliet tenuri lokali Nico Darmanin, Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens flimkien mal-mistiedna speċjali Chiara, akkumpanjati mill-Malta Philharmonic Orchestra. U fi Strada Stretta, il-bar Mae West inbidel f’atmosfera Kubana fl-14 ta’ Ġunju għal Hoskuban, prestazzjoni mużikali ispirata mill-mużika Kubana.

F’Lulju l-VCA saħħet ukoll l-isforzi kollaborattivi tagħha billi għal darb’oħra kkollaborat mal-Malta Fashion Week li ttellgħet fi Pjazza Tritoni.

F’Settembru, l-Aġenzija organizzat żewġ kunċerti mużikali, bl-ewwel wieħed ikun Strait Str. 2 the Blues: The Rainbow Edition, avveniment li ttella’ b’mod speċjali fi Strada Stretta mill-VCA għal waqt il-EuroPride 2023, bil-parteċipazzjoni ta’ bosta mużiċisti popolari lokali. Fi tmiem Settembru, l-Aġenzija mbagħad tellgħet Guitarra, kunċert ta’ kitarra klassika fil-Gran Salon tal-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt bis-sehem tal-kitarrista Ċeka ta’ fama internazzjonali Barbora Kubíková, li wkoll kellu attendenza meraviljuża.

Il-Valletta Local Food Festival, li kien ta’ suċċess enormi fl-ewwel edizzjoni tiegħu s-sena l-oħra, ittella’ bejn il-5 u s-7 ta’ Ottubru 2023 fil-Valletta Design Cluster. Dan il-festival taħt id-direzzjoni tas-Sur Charles Bone, ġabar flimkien kokijiet lokali u artiġjani fejn offrew lill-pubbliku festa kulinari Maltija, b’tisjir u għarfien siewi dwar it-tħejjija ta’ platti rinomati bħall-kwareżimal, il-Vallettani, il-Biskuttini tar-Raħal, u pasti oħra, kollha maħdumin b’ingredjenti friski ta’ oriġini lokali. L-attendenza tal-pubbliku għal dan il-festival kienet waħda eċċezzjonali u r-ripons li rċevejna kien għal darb’oħra pożittiv immens.

Il-programm ta’ Strada Stretta kompla f’Novembru bl-ewwel kunċert fi 13-il sena tal-grupp popolari u influwenti Għawdxi CHASING PANDORA – Rendezvous. F’Diċembru, ftit jiem qabel il-Milied, tellajna wkoll programm mużikali ta’ Jazz li inkluda siltiet natalizzji b’arranġamenti bi stil jazz, fost l-oħrajn.  

F’Diċembru, ma naqasx il-programm ta’ attivitajiet tal-Milied kif ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet popolari li se nerġgħu ntellgħu għal darb’oħra bla ħlas Lejlet l-Ewwel tas-Sena fi Pjazza San Ġorġ. Dawn l-attivitajiet kollha bla ħlas matul ix-xahar kollu ta’ Diċembru qed idaħħlu lil dawk li jżuru l-Belt fl-ispirtu tal-Milied filwaqt li jagħtu l-ħajja lill-Belt Kapitali. Kif wieħed jista’ jara dan ix-xahar qed ikunu eluf kbar dawk in-nies li qed iżuru l-Belt Kapitali u għalhekk ninsab kburi li għal darb’oħra l-Aġenzija kellha rwol kruċjali mmens fir-riġenerazzjoni soċjali, kulturali u ekonomika tal-Belt Valletta.

Bħalissa hemm ukoll għaddejja l-esibizzjoni ta’ arti viżiva Apotheosis fl-Oratorji tal-Ġiżwiti. Din l-esbizzjoni tal-artist Darren Tanti, li d-dħul għaliha huwa bla ħlas se ddum miftuħa għall-pubbliku sad-9 ta’ Jannar 2024.

Sadanittant, il-Valletta Design Cluster immexxi wkoll mill-Aġenzija, kompla jikber u jespandi. Il-VDC huwa spazju uniku fil-qalba tal-belt kapitali ddedikat għat-trawwim tal-kreattività u l-innovazzjoni. Fl-2023, il-VDC għamel progress sinifikanti fil-kisba tal-għanijiet tiegħu, b’numru ta’ kisbiet notevoli.

Wieħed mill-aktar tragwardi sinifikanti kien l-iżvilupp tal-Makerspace fi spazju avvanzat għall-kreattività. Il-Makerspace huwa spazju ta’ xogħol kollaborattiv fejn il-kreattivi jistgħu jaċċessaw firxa wiesgħa ta’ makkinarju u għodda, minn makkinarju tas-CNC u printers tridimensjonali għal magni tal-ħjata u għodod għax-xogħol tal-injam. Il-VDC nieda wkoll programm ta’ taħriġ dwar it-tħaddim tad-diversi biċċiet ta’ tagħmir li jipprovdi lill-kreattivi, bl-opportunità li jiksbu ħiliet ġodda fil-qasam tagħhom.

Kisba ewlenija oħra kienet l-assenjazzjoni ta’ diversi studjos disponibbli fil-VDC lill-kreattivi wara proċess kompetittiv ta’ għażla miftuħa. Il-kreattivi magħżula jirrappreżentaw firxa diversa ta’ dixxiplini, inklużi l-arkitettura, id-disinn tal-prodotti, l-arti, il-films u aktar. L-istudjos tal-VDC jipprovdu lill-kreattivi bi spazju ddedikat biex jaħdmu u jiżviluppaw il-proġetti tagħhom, kif ukoll aċċess għall-Makerspace u riżorsi oħra.

Il-VDC ospita wkoll programm varjat ta’ inizjattivi fl-2023 biex jgħin fil-bini ta’ komunità ta’ kreattivi li jaħdmu u joħolqu flimkien. Il-programm indirizza wkoll lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ avvenimenti mmirati lejn il-promozzjoni tal-impatt soċjali, bl-involviment ta’ anzjani residenti l-Belt Valletta, wirjiet ta’ films li jenfasizzaw il-produzzjoni tal-films lokali u attivitajiet komunitarji ffukati fuq il-produzzjoni.

Ħafna minn dawn l-attivitajiet kienu jinvolvu kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet nazzjonali u privati fosthom il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-Università ta’ Malta, l-MCAST, Golden Glitch u aktar. Dan il-programm huwa kkumplimentat mill-ħafna avvenimenti organizzati fl-ispazju mill-membri tiegħu li inkludew sfilati tal-moda u masterclasses, konferenzi, korsijiet, tournaments tal-logħob u ħafna aktar.

Fil-VDC fl-2023 kienu għaddejjin ukoll erba’ programmi ta’ artisti f’residenza, li jindirizzaw suġġetti relatati mal-arti, il-letteratura kif ukoll l-intraprenditorija. Din tal-aħħar hija waħda minn diversi inizjattivi dwar il-mobilità urbana sostenibbli li l-VDC qed twettaq biex taqdi r-rwol tagħha bħala parti mill-EIT Urban Mobility Malta RIS Hub. Dawn ir-residenzi pprovdew lill-artisti u lill-kreattivi bl-opportunità li jesploraw dawn is-suġġetti fil-fond u li jiżviluppaw xogħol ġdid ispirat mir-riċerka tagħhom.

Il-kisbiet tal-VDC fl-2023 huma xhieda tal-impenn tagħha li tappoġġja l-kreattività u l-innovazzjoni f’Malta. Il-VDC sar ċentru vibranti għal kreattivi u intraprendituri, u qed jaħdem biex ikollu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ekonomija kreattiva ta’ Malta.

Għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, is-sena 2023 kienet sena oħra ta’ suċċess, b’kisbiet kbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni tal-arti, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni fid-diversi oqsma li l-Aġenzija tmiss magħhom. Dawn il-proġetti kollha, mifruxa madwar il-Belt Valletta kollha, inkluż f’żewġ żoni ferm importanti fir-riġenerazzjoni tal-Belt; Strada Stretta u l-parti t’isfel tal-Belt fejn illum hemm il-Valletta Design Cluster (il-Biċċerija l-Antika), huma xhieda ta’ kemm din l-Aġenzija qed jirnexxielha żżomm mal-wegħda tagħha, dik li ssaħħaħ u ssostni l-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali vibranti tal-Belt Kapitali ta’ pajjiżna, il-Belt Valletta.

X’hemm ippjanat għas-sena 2024?

Se jerġa’ jkollna programm imdaqqas fi Strada Stretta u se nkunu qed intellgħu wkoll attività fit-Teatru Manoel u fi Spazju Kreattiv. Se tkun qed tirritorna l-Mixgħela tal-Ġimgħa Mqaddsa, se nkunu qed niċċelebraw il-ħajja ta’ artist u poeta famuż u ikoniku Malti li se nkunu qed inħabbru ismu aktar ’il quddiem u se nerġgħu ntellgħu fuq skala akbar il-Valletta Green Festival.

Is-sena d-dieħla se jerġa’ jirritorna wkoll il-Valletta Pageant of the Seas. Qed naraw li din l-edizzjoni li għal darb’oħra l-attendenza għaliha huwa bla ħlas, tkun waħda fost l-akbar edizzjonijiet li qatt tellajna u l-għan ewlieni tagħha se jkun li nqajmu iżjed kuxjenza dwar it-tniġġis tal-baħar. Se nkunu qed nerġgħu ntellgħu edizzjoni oħra ta’ Opera in the Capital li aktar kemm qed jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber il-popolarità tagħha u d-domanda għaliha. Se nkunu qed intellgħu Messa Da Requiem ta’ Giuseppe Verdi, edizzjoni oħra tal-Valletta Local Food Festival, esibizzjoni oħra artistika, u fl-aħħar tas-sena l-programm tant mistenni tal-Milied u l-aħħar tas-sena.

Dawn huwa biss uħud mill-attivitajiet li għandna ppjanati u nħeġġiġkom biex issegwu l-ħidma li qegħdin nagħmlu u s-sena d-dieħla, tattendu għat-tħabbira uffiċjali tal-programm kulturali għas-sena 2024.

Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzjakom ta’ din l-intervista u nawgura lilkom u lill-qarreja tal-Orizzont il-Milied u s-sena t-tajba.

Ekonomija

Sport