Saturday, October 26, 2024

Logħob tal-Commonwealth: It-team Malti tal-Lawn Bowls il-kwarti-finali

Aqra wkoll

L-impenji ta’ Team Malta f’Birmingham komplew ilbie­raħ bl-Isquash u l-Lawn Bowls fejn f’din id-dixxiplina t-team kompost minn Peter Ellul, Troy Lorimer u Shaun Parnis taw wirja ta’ determinazzjoni u saħħa mentali meta minkejja li kienu erba’ punti minn taħt irnexxielhom jissieltu lura biex irnexxielhom jiksbu d-draw kontra t-team b’saħħtu Indjan bl-iskor finali ta’ 16-16.

B’dan ir-riżultat huma għaddew għall-kwarti-finali, bil- logħba li jmiss se ssir illum fit-3.00 pm.

It-team tan-Nisa Fours kien għad fadallu logħba kontra l-Malasja, meta ż-żewġ telfiet li sofrew kontra Norfolk Island (16-12) u l-Irlanda ta’ Fuq (16-10) ifissru li ma kkwalifikawx biex jgħaddu għall-kwarti-finali.

Fl-Isquash, Niall Engerer, li l-Ġimgħa rebaħ id-derby Malti kontra Kijan Sultana kellu jilgħab mal-player numru tnejn tad-dinja. Paul Coll. Ma kienx hemm dubju li din il-logħba kienet se tkun diffiċli tant li kif kien mistenni Coll rebaħha 3-0.

Destin simili stenna lill-aħwa Colette u Lijana Sultana. Din tal-aħħar lagħbet kontra l-Kanadiża Hollie Naughton li tinsab fit-30 post tad-dinja. Ir-riżultat finali kien 3-0 għal Naughton. Colette, li ngħatat bye fl-ewwel round, iffaċċjat lill-Awstraliana Jess Turnbull, li tinsab fis-77 post tad-dinja. Sultana rnexxielha tirbaħ it-tieni logħba iżda xorta waħda tilfet bl-iskor ta’ 3-1.

Illum, il-weightlifter Tenishia Thornton se tibda l-impenji tagħha, meta tieħu sehem fl-avveniment ta’ 59kg tan-Nisa.

Sport