Louis van Gaal huwa wieħed mill-aqwa coaches fid-dinja, iżda l-akbar sfida tiegħu kienet barra mill-ground minn meta ġie djanjostikat bil-kanċer kważi sentejn ilu.
Il-coach tal-Olanda żvela f’April li għadda li kellu forma aggressiva ta’ kanċer tal-prostata, li kien ħeba mill-plejers tiegħu fi sforz biex iżomm l-attenzjoni tagħhom qabel it-Tazza tad-Dinja.
Van Gaal tilef l-ewwel lil martu, Fernanda, bil-kanċer fl-1994 meta kellha 39 sena u minħabba dak li ffaċċja l-coach ta’ 71 sena fit-tħejjija għall-kampanja ta’ l-Olanda fil-Qatar, meta t-team tiegħu jaffronta lill-Arġentina fil-kwarta-finali illum il-Ġimgħa fit-8.00 pm, se jkun mument sinifikanti.
Magħruf bħala l-“Iron Tulip”, Van Gaal għandu mentalità qawwija u stil ta’ tmexxija sod. Huwa iben bejjiegħ, trabba bħala Kattoliku u anke ħadem bħala għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika.
Huwa rebaħ 20 trofew maġġuri bħala coach, ħadem ma’ clubs bħal Barcelona, Bayern Munich u Manchester United, u kellu wkoll tliet esperjenzi fit-tmexxija tat-team nazzjonali Olandiż.
Ta’ 71 sena, huwa t-tielet l-akbar manager f’Tazza tad-Dinja u huwa mexxej u figura ta’ missier għall-players Olandiżi tiegħu fil-Qatar. Madankollu, sa ftit ilu, kien qed iżomm sigriet sinifikanti minnhom.
Meta f’April huwa żvela lill-programm televiżiv Olandiż Humberto li kellu forma aggressiva ta’ kanċer tal-prostata, tenna li kien qal biss lill-ħbieb u lill-qraba qrib.
“Ingħatajt trattament speċjali fl-isptar. Tħallejt nidħol minn bieb ta’ wara u immedjatament nidħol f’kamra oħra,” żied jgħid.
“Ma ridtx ngħidha lill-players tiegħi għax stajt influwenzajt il-prestazzjonijiet tagħhom.
“F’kull perjodu ta’ żmieni bħala manager tat-team nazzjonali, kelli nitlaq bil-lejl biex immur l-isptar mingħajr ma l-players qatt saru jafu … filwaqt li dejjem naħseb jien f’saħħti, iżda … m’iniex.”
Van Gaal ġie djanjostikat b’kanċer tal-prostata f’Diċembru 2020. Huwa kellu 25 sessjoni ta’ terapija bir-radjazzjoni, kollha waqt li kien qed jissorvelja l-kampanja ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Olanda.
Id-deċiżjoni tiegħu li jiżvela l-aħbar f’April waslet inqas minn sena wara li Van Gaal kien ħareġ mill-irtirar biex imexxi lill-Olandiż lejn il-Qatar minkejja li qal lil martu, Truus, li mhux se jirritorna għal-logħba.
Waqt ir-rebħa tagħhom ta’ 2-0 kontra n-Norveġja, kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja f’Rotterdam fil-21 ta’ Novembru 2021, Van Gaal kien f’siġġu tar-roti.
“Naturalment qiegħed f’moħħna. Għall-bidu ma konniex nafu biha. Huwa għamel dak kollu li seta’ biex iżommha mistura minna,” qal id-difensur Olandiż Daley Blind.
“Saħansitra kien imur l-isptar matul l-iljieli, biex ma jurix lit-team minn xiex kien għaddej.
“Għandna tant rispetto kbir lejh għal mod kif qed ilaħħaq ma’ din il-marda bħalissa. Iżda huwa dejjem jiġġieled bħas-soltu. Huwa Louis van Gaal u qatt mhu se jinbidel. Dak li tara huwa dak li tieħu.”
“Irridu nilagħbu għall-coach tagħna,” tennew il-players tal-Oranje.