Sunday, December 22, 2024

Luis Enrique jieħu r-responsabbiltà tal-eliminazzjoni ta’ Spanja mit-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

Wara l-eliminazzjoni ta’ Spanja mit-Tazza tad-Dinja 2022, il-coach ta’ Spanja, Luis Enrique, ħa r-responsabbiltà dan id-diżappunt kbir meta sfaw megħluba 3-0 mill-Marokk permezz tal-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 0-0. 

Enrique sostna li huwa għażel l-ewwel ħames players biex jinkarigaw minn dawn il-penalties. 

Dan id-diżappunt irrepeta ruħu wara li erba’ snin ilu, fit-Tazza tad-Dinja li ntlagħbet fir-Russja, ukoll sfaw eliminati bl-għoti tal-penalties fir-round tal-Aħħar 16 … inċidentalment kontra l-istess Russi bl-iskor ta’ 4-3 wara draw ta’ 1-1.

It-tliet players li fallew il-penalties kienu Pablo Sarabia (lasta), Carlos Soler u Sergio Busquets, bix-xuttijiet ta’ dawn tal-aħħar ġew salvati mill-goalkeeper Bono li spiċċa bħala l-eroj tal-Marokkini. 

Luis Enrique stqarr: “Hija responsabbiltà kollha tiegħi għax għażilt l-ewwel ħames players biex jagħtu l-penalties …. sfortunatament wasalna sa tlieta. Iżda rrid nistqarr li Bono huwa goalkeeper kbir u kien verament eċċezzjonali bejn il-lasti. 

“Il-football huwa sport mill-isbaħ, iżda b’konnotazzjoni ċara li team jista’ jirbaħ mingħajr ma jattakka. Naħseb li ddominajna l-logħba peró stajna wkoll ħloqna aktar ċansijiet.

“Ta’ dan pattejna qares għax fil-veritá mill-11-il xutt lejn il-lasti nkwadrajna wieħed biss u li konna sfortunati li ħabat mal-wieqfa. 

“Peró ninsab kburi bit-team u bil-players tiegħi … jiddispjaċini biss għal dawk il-players li ma lagħbux.

“Irridu nifirħu lit-team rebbieħ. Iżda fuq kollox irrid nagħmel apoloġija mal-partitarji li ġew jagħtuna l-appoġġ fil-Qatar … u man-nazzjon Spanjol.”

Meta ġie mistoqsi dwar il-futur tiegħu, Enrique wieġeb: “Dan mhuwiex iż-żmien it-tajjeb biex nagħti tweġiba. Irrid nitkellem mal-FA Spanjola u naraw x’inhu l-aktar importanti fil-futur.”

Ekonomija

Sport