Paris St-Germain sofrew l-ewwel telfa taħt il-coach il-ġdid Luis Enrique hekk kif ġew megħluba f’darhom minn Nice bl-iskor ta’ 3-2 minkejja d-doppjetta ta’ Kylian Mbappe.
Terem Moffi tefa’ lil Nice fil-vantaġġ b’xutt imxellef fir-rokna t’isfel iżda Mbappe kiseb id-draw b’xutt minn tarf il-kaxxa.
Gaetan Laborde reġa’ poġġa lill-viżitatur fil-vantaġġ filwaqt li n-Niġerjan Moffi skorja t-tielet goal b’xutt mill-isbaħ minn 18-il metru.
Il-volley ta’ Mbappe ta tama lill-Pariġini iżda ma rnexxielhomx isalvaw punt minn din il-partita.
Kien is-seba’ goal tal-captain ta’ Franza f’erba’ logħbiet dan l-istaġun wara r-ritorn tiegħu mat-team wara li kien “iffriżat” milli jagħmel il-pre-season mal-iskwadra minħabba kwistjonijiet tal-kuntratt.
Nice, immexxija mit-Taljan ta’ 34 sena Francesco Farioli, issa tela’ fit-tieni post tal-klassifika wara l-leaders Monaco.
Qabel il-partita, PSG sellmu lil Marco Verratti li magħhom rebaħ disa’ kampjonati u li għadu kif ingħaqad mal-club tal-Qatar, Al-Arabi.