Lulju 2026 kien it-tieni l-aktar Lulju sħun globalment …żieda fl-imwiet, riskju ta’ żieda fil-prezzijiet agrikoli, livell baxxi ta’ provvisti ta’ ilma 

…l-imwiet żdiedu bi 11,000 persuna f’ġimgħa f’27 pajjiż.

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Lulju 2026 kien it-tieni l-aktar Lulju sħun globalment, flimkien ma’ Lulju tas-sena 2024. Lulju ra kuntrasti madwar l-Ewropa, b’kundizzjonijiet ħafna aktar sħan mill-medja fil-Punent u kundizzjonijiet aktar kesħin mill-medja fil-lvant u fl-Iskandinavja. L-Ewropa tal-Punent esperjenzat l-aktar perjodu sħun ta’ Ġunju-Lulju rreġistrat. It-temperatura tal-wiċċ tal-baħar fuq l-oċean  kienet l-ogħla rreġistrata għal Lulju, li tirrifletti parzjalment il-kundizzjonijiet ta’ El Niño li qed jiżviluppaw fil-Paċifiku ekwatorjali.

Din l-informazzjoni inħarġet proprju fl-aħħar jiem minn Copernicus, li hu l-Programm ta’ Osservazzjoni tad-Dinja tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min jgħid li Lulju ta’ din is-sena kellna mewġa ta’ sħana storika bejn is-16 u t-22 tax-xahar li matulha nkiser ir-rekord tal-ogħla temperatura rreġistrata matul dax-xahar li kienet ta’ 43.3°C. Qabel, l-ogħla temperatura reġistrata kienet ta’ 42.7°C li kienet intlaħqet fid-9 ta’ Lulju tas-sena 1988 u fl-24 ta’ Lulju tas-sena 2023. 

Mill-informazzjoni li nħarġet minn Copernicus irriżulta li Lulju ta’ din is-sena kien biss marġinalment aktar kiesaħ minn Lulju tas-sena 2024, b’0.01°C. Minħabba din id-differenza żgħira, iż-żewġ xhur huma kkunsidrati bħala t-tieni l-aktar Lulju sħun irreġistrat flimkien, wara r-rekord stabbilit f’Lulju tas-sena 2023 b’16.95°C, jew 0.72°C ’il fuq mill-medja.

Mill-informazzjoni maħruġa minn Copernicus intqal li peress li Lulju tipikament huwa l-aktar xahar  sħun tas-sena, Lulju ta’ din is-sena kien ukoll it-tieni l-aktar xahar sħun li qatt ġie rreġistrat globalment flimkien. It-temperatura globali medja għall-aħħar 12-il xahar jiġifieri minn Awwissu tas-sena 2025 sa Lulju ta’ din is-sena,  kienet 0.57°C ogħla mill-medja tas-snin 1991-2020, u 1.45°C ogħla mill-medja preindustrijali tal-1850-1900.

Samantha Burgess, li hi l-Kap Strateġiku għall-Klima fil-European Centre for Medium Range Weather Forecast (ECMWF) iddikjarat li “Lulju 2026 kien it-tielet xahar konsekuttiv ta’ sħana eċċezzjonali fl-Ewropa tal-Punent, u ġab it-temperatura kkombinata għal Ġunju u Lulju għal rekord ġdid għar-reġjun. Sistemi persistenti ta’ pressjoni għolja qabdu s-sħana fuq l-Ewropa tal-Punent, it-temperaturi estremi amplifikaw ukoll in-nixfa mifruxa. Hekk kif il-ħamrija tinxef, titlef il-kapaċità tagħha li tipprovdi tkessiħ naturali, u b’hekk is-sħana tinbena aktar faċilment. 

Dan huwa eżempju ċar ta’ kif it-tibdil fil-klima qed jintensifika l-estremitajiet tas-sħana, bis-sħana u n-nixfa jsaħħu dejjem aktar lil xulxin.”

Il-mewġiet ta’ sħana

Ir-rapport ta’ Copernicus jgħid li “l-Ewropa tal-Punent rat il-kundizzjonijiet tal-mewġa tas-sħana osservati f’Ġunju jippersistu matul Lulju. B’temperatura medja tal-arja tal-wiċċ fuq iż-żoni tal-art tagħha ta’ 21.62°C għall-perjodu kkombinat ta’ Ġunju-Lulju, 2.79°C ’il fuq mill-medja tal-1991–2020, din it-temperatura qabżet ir-rekord preċedenti b’marġni notevoli (0.89°C).

F’Lulju, il-kundizzjonijiet sħan eċċezzjonali madwar ir-reġjun ikkonċedew ma’ mewġiet tas-sħana li laqtu l-Ewropa tal-Punent, waħda matul l-ewwel nofs tax-xahar, u oħra lejn tmiem Lulju. Dawk iż-żewġ mewġiet ta’ sħana kienu t-tielet u r-raba’ mewġiet ta’ sħana intensa madwar ir-reġjun minn Mejju ’l hawn, u mmarkaw sekwenza eċċezzjonali ta’ mewġiet ta’ sħana f’dawn l-aħħar xhur.

Il-kundizzjonijiet eċċezzjonalment sħan fuq l-Ewropa tal-Punent kienu marbuta ma’ kundizzjonijiet persistenti ta’ pressjoni għolja (magħrufa bħala imblukkar atmosferiku), li ffavorew temp xemxi u niexef u sħana maqbuda fuq ir-reġjun, u ħolqu dak li spiss jissejjaħ ‘heat dome’.

Tletin pajjiż madwar id-dinja fosthom Malta f’Lulju inkisru rekords tat-temperaturi

F’Lulju tal-2026 inkisru rekords tat-temperaturi f’aktar minn 30 pajjiż madwar id-dinja, fosthom Malta, iżda globalment xorta waħda ma kienx l-aktar wieħed sħun! 

Matul l-aħħar il-kriterji ta’ mewġa ta’ sħana ma intlaħqux

Ta’ min li minkejja it-twissijiet tal-mewġa ta’ sħana fil-jiem li għaddew, u minkejja temperaturi għoljin, il-kriterji ta’ mewġa ta’ sħana ma intlaħqux għax l-ogħla temperatura qatt ma kienet ta’ 5 gradi iżjed mill-medja staġjonali ta’ Awwissu li hi ta’ 32 grad.

L-effetti ta’ dawn it-temperaturi għoljin fl-Ewropa

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-effett ta’ dawn it-temperaturi għoljin madwar l-Ewropa, naraw li l-effett hu wieħed qawwi ħafna.

Fi Franza, Lulju kellu medja ta’ 24.9°C u b’hekk kien l-aktar xahar sħun, meta wieħed iqis ix-xhur kollha tas-sena, minn mindu bdew ir-rekords fl-1900. Fi Franza, Lulju kellu 38 fil-mija inqas xita u kien it-tielet Lulju l-aktar niexef storikament.

Il-mewġa tas-sħana Franċiża f’Ġunju damet 14-il jum, waqt li l-mewġa tas-sħana ta’ Lulju damet 16-il jum. Il-mewġa li bdiet fit-28 ta’ Lulju laħqet is-sbatax-il jum tagħha fit-13 ta’ Awwissu.

Jekk nieħdu l-Ġermanja naraw li dan il-pajjiż irreġistra temporanjament 41.5°C, rekord nazzjonali ġdid.

Id-Danimarka laħqet is-37°C, l-ogħla temperatura minn meta bdew il-kejl fl-1874.

L-Awstrija stabbiliet ir-rekord tagħha ta’ kull żmien b’41.2°C. Ir-rekord preċedenti kien ta’ 41°C.

Fit-13 ta’ Awwissu, Londra laħqet temperatura ta’ 38.1°C. Din hija l-ħames l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata fir-Renju Unit u l-ogħla għas-sena 2026.

Jekk wieħed jara l-imwiet kawżati minn sħana qawwija u temperaturi għoljin isib li fil-ġimgħa ta’ bejn it-22 u t-28 ta’ Ġunju biss, il-EuroMOMO rreġistrat 10,650 mewta żejda f’27 pajjiż Ewropew. Aktar minn 9,000 kellhom mill-inqas 65 sena. Mill-banda l-oħra, l-Istitut Robert Koch jistma li madwar 11,900 mewta relatata mas-sħana fil-Ġermanja fi tmiem Lulju.

Fl-Ingilterra u Wales, aktar minn 2,700 mewta relatata mas-sħana ġew ikkalkulati matul il-mewġiet tas-sħana ta’ Mejju u Ġunju. 

Fil-Belġju, il-mortalità matul il-mewġa tas-sħana żdiedet bi 48 fil-mija ’l fuq mil-livelli mistennija. Kienet l-aktar mewġa tas-sħana qattiela minn mindu beda l-monitoraġġ nazzjonali.

Nirien…infirxu mal-Ewropa

Temperaturi għoljin iġibu għadd ta’ nirien u fl-aħħar ġimgħat ma Linux eċċezzjoni. Filfatt fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, in-nirien kienu nfirxu fuq 489,826 ettaru fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa 13 fil-mija ogħla mill-medja għall-istess perjodu bejn l-2012 u l-2025.

Spanja kienet diġà tilfet 185,948 ettaru, aktar mid-doppju tal-medja tagħha. Waħedha kienet tirrappreżenta 38 fil-mija taż-żona affettwata fl-Unjoni Ewropea.

Fi Franza, kien hemm nirien f’99,092 ettaru, aktar minn tliet darbiet il-medja nazzjonali. Din hija l-agħar ċifra għall-pajjiż mis-sena 2012.

Fl-Italja, l-ettari milquta min-nirien kienu 79,084. Dan huwa l-ħames l-agħar riżultat fl-aħħar ħmistax-il sena.

Sa tmiem Lulju, aktar minn 320,000 persuna kienu ġew evakwati fi Franza u Spanja. In-nirien f’Huelva qered 31,000 ettaru u ġiegħel lil 700 persuna jitilqu minn djarhom. Fl-14 ta’ Awwissu, nar ħdejn il-belt Kroata ta’ Omiš ikkawża mewta waħda u erbgħin korriment. 1,200 persuna ġew evakwati. F’Halkidiki, aktar minn 300 persuna tneħħew mill-bajjiet minn dgħajjes tas-sajd u bastimenti tal-gwardja tal-kosta.

Jekk nieħdu l–Ġermanja naraw li aktar minn 2,000 resident ġew sfurzati jitilqu mir-raħal ta’ Gey. 

Il-livell tal-ilma affettwat ukoll

Nixfa u temperaturi għoljin jaffettwaw il-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art. Filfatt dan laħaq livelli baxxi rekord f’żoni kbar tal-Peniżola Iberika, Franza, u l-Ewropa Ċentrali. Ix-xmajjar Seine, Rhine, u Danubju rreġistraw livelli baxxi ħafna ta’ ilma u t-trasport tax-xmajjar tnaqqas, u diversi impjanti tal-enerġija kellhom jillimitaw il-produzzjoni.

Sa tmiem Ġunju, il-fluss tax-Xmara Po kien niżel minn madwar 1,000 għal inqas minn 300 metru kubu kull sekonda f’ġimagħtejn. 

F’Awwissu, il-Lago Maggiore daħal f’nixfa estrema. Fi Cremona, ix-Xmara Po laħqet l-inqas livell staġjonali tagħha.

Fl-Italja ukoll imbagħad għandek aktar minn mitt muniċipalità fil-Piemonte u l-Lombardija qed jirrappurtaw diffikultajiet bil-provvisti tal-ilma tax-xorb. 

In-nixfa qed taffettwa 235,000 ettaru ta’ għelieqi tar-ross Taljani. Fil-provinċja ta’ Pavia biss, it-telf jista’ jaqbeż il-mitt miljun ewro.

Fl-Ingilterra, madwar 45 miljun persuna jgħixu f’żoni ddikjarati f’nixfa. Sebgħa u għoxrin miljun huma soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ilma.

Jekk nieħdu ir-Rumanija naraw li din għalqet iż-żewġ reatturi fl-impjant tal-enerġija ta’ Cernavodă minħabba livelli rekord tad-Danubju. Dawk ir-reatturi pprovdew madwar wieħed minn kull ħamsa tal-elettriku tal-pajjiż.

L-impjant tal-enerġija Ungeriż Paks niżel għal 25 fil-mija tal-kapaċità tiegħu. Il-gvern iddeċieda li jgħarraq żewġ barkuni fid-Danubju biex jgħolli temporanjament il-livell tal-ilma b’għoxrin ċentimetru.

Kellna imbagħad każ fejn fl-impjant tal-enerġija Franċiż ta’ Gravelines, massa ta’ bram imblukkat il-pompi tat-tkessiħ. Tliet reatturi ngħalqu u r-raba’ wieħed tnaqqas bin-nofs.

Fl-14 ta’ Awwissu, l-EDF bassret li sitt reatturi Franċiżi kienu se jingħalqu kompletament minħabba s-sħana, li rriżulta fi tnaqqis ta’ 15 fil-mija fil-kapaċità nukleari tal-pajjiż.

Fil-Mediterran, fi tmiem Ġunju, it-temperaturi tal-wiċċ qabżu l-medji sa 8°C ħdejn in-nofsinhar ta’ Franza, Korsika, Sardinja, u diversi kosti Taljani.

F’Lulju, it-temperatura medja tal-oċeani extrapolari laħqet l-20.96°C, l-ogħla valur li qatt ġie rreġistrat għal dak ix-xahar.

Mid-19 ta’ Ġunju ’l hawn, it-temperatura ta’ kuljum tal-oċean stabbiliet rekord għal kwalunkwe jum tas-sena.

Il-produzzjoni Ewropea tal-qamħirrum u tal-ġirasol kienet diġà waqgħet bejn 6 u 7 fil-mija taħt ir-rendimenti mistennija. Il-ħsad taċ-ċereali fir-Renju Unit mistenni jkun l-agħar minn mindu bdew ir-rekords komparabbli fis-sena 1984.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport