Il-familja tal-attur famuż Robert De Niro tinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt mhux mistennija tan-neputi tiegħu, Leandro li kien għad kellu biss 19-il sena.
Ommu Drea, li hija l-bint adottiva ta’ De Niro, qasmet din l-aħbar kerha fuq Instagram però ma qalitx x’kienet il-kawża tal-mewt ta’ binha. Kulma kitbet kien li tixtieq li l-imħabba waħdiha kienet biżżejjed biex issalvah.
F’kitba li turi l-weġgħa ta’ omm li tilfet wild, Drea niżlet, “anġlu sabiħ tiegħi, ħabbejtek b’imħabba li m’hemmx kliem biżżejjed biex jiddiskriviha. Nixtieq li bħalissa ninsab ħdejk. Ma nafx kif nista’ nkompli ngħix mingħajrek iżda se nipprova. Se nkompli nxerred l-imħabba li inti wassaltni biex inħoss meta sirt ommok. Kont maħbub u apprezzat ħafna”.
Dan il-messaġġ ta’ qsim il-qalb wassal għal reazzjonijiet ta’ xokkkif ukoll kondoljanzi minn dawk kollha li jafu lill-familja De Niro. Missier iż-żagħżugħ ma kiteb xejn dwar din it-telfa kbira għajr li fuq il-paġna ta’ Instagram tiegħu tella’ kaxxa sewda bħala turija ta’ luttu.
Leandro De Niro Rodriguez ipprova li huwa wkoll isir attur bħal ommu u nannuh Robert De Niro, kif ukoll wera x-xewqa li jsir direttur tal-films. Fil-fatt huwa kien diġà ngħata xi rwoli żgħar f’films fosthom “A Star is Born” tal-2018.
Robert De Niro huwa attur leġġendarju ta’ fama internazzjonali fejn rebaħ l-ewwel Oscar fil-kategorija tal-Best Supporting Actor għar-rwol li kellu bħala ż-żagħżugħ Vito Corleone fil-film ta’ Francis Ford Coppola “The Godfather, Part II” (1974).
Huwa ħa l-premju tal-Aqwa Attur għar-rwol tiegħu bħala l-boxer Jake LaMotta fil-film “Raging Bull” (1980) u kien innominat għar-rwoli li ħadem fil-films – “The Deer Hunter” (1978); “Awakenings” (1990) u “Cape Fear (1991). Fost il-ħafa films oħra kbar li ħadem De Niro nsibu “Silver Linings Playbook” (2012), “The Irishman” (2019), “Goodfellas” (1990) u “Casino” (1995).