Dr Lydia Abela ppreżentat is-somma ta’ €16,967 lill-organizzazzjoni Hospice Malta li twettaq xogħol imprezzabbli ma’ familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli.
Din id-donazzjoni nġabret bil-ġenerożità tal-mijiet ta’ persuni li attendew għall-attività A Night at the Palace li din is-sena ttellgħet fid-9 ta’ Settembru bit-tema ‘Melodija Maltija’.

Il-preżentazzjoni saret waqt żjara li mart il-Prim Ministru għamlet fil-kumpless St Michael f’Santa Venera.
Milqugħa mill-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta Kenneth Delia, Dr Abela ltaqgħet u tkellmet mal-pazjenti li qed jagħmlu użu mis-servizzi offruti, fosthom ta’ kura paljattiva.
Lydia Abela qalet li l-appoġġ tal-Hospice huwa ta’ spalla kbira, speċjalment għall-qraba li jgħixu din is-sitwazzjoni iebsa mal-pazjent u jkollhom bżonn gwida u sostenn.
Mart il-Prim Ministru sostniet li A Night at the Palace hija inizjattiva ferm għal qalbha għaliex, bis-saħħa tal-mużika, jinġabru fondi li jkomplu jsaħħu l-għajnuna meħtieġa.
Dr Abela rringrazzjat lil kull min ikkontribwixxa għal din l-inizjattiva kif ukoll lill-ħaddiema u lill-volontiera tal-Hospice Malta għad-dedikazzjoni u l-imħabba li juru ta’ kuljum.
“Flimkien qed inkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ dawk li l-iktar għandhom bżonnha,” temmet tgħid mart il-Prim Ministru.
