Sunday, November 24, 2024

“Ma jistax ikun li ħaddiema barranija tqatta’ sentejn minn ħajjitha f’inċertezza”

Il-Qorti tal-Appell

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma jistax ikun li persuna bħal Liu tqatta’ sentejn minn ħajjitha f’inċertezza legali, sempliċement għax min kellu jiddeċiedi dwar jekk hi għandhiex jedd tibqa’ tirrisjedi f’Malta jew le, ma tahiex iċ-ċans li tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha qabel ta d-deċiżjoni tiegħu.”. Dan iddikjaratu il-Qorti tal-Appell, f’deċiżjoni li tat fil-konfront ta’ Linwei Liu, Ċiniża li spiċċat bil-Permess ta’ Residenza tagħha ġie revokat.  Wara hi kienet appellat iżda la hi  u lanqas l-avukat difensur tagħha ma rċevew xi komunikazzjoni jew korrispondenza sabiex jidhru quddiem il-Bord  u kull ma rċeviet kienet biss ittra biex tiġbor id-deċiżjoni.

Linwei Liu appellat minn deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni, tat-3 ta’ Diċembru, 2021 li permezz tagħha l-Bord ċaħad l-appell tagħha abbażi tal-fatt li hija ma ressqet l-ebda sottomissjonijiet quddiem  il-Bord, u kkonferma d-deċiżjoni ta’ Aġenzija Identity Malta.

“kienet taħdem bħala massage therapist fuq bażi full-time, ġewwa stabbiliment bl-isem ‘Sun Shine Chinese Massage’, iżda fi Frar tas-sena 2020 l-impjieg tagħha ġie tterminat”

Il-Qorti tal-Appell

Il-Qorti qalet li “Linwei Liu  kienet waslet Malta fl-10 ta’ Settembru tas-sena 2019, u setgħet tgħix u taħdem f’Malta legalment bis-saħħa tas-Single Permit li nħarġilha fis-17 ta’ Ottubru tas-sena 2019. Hi kienet taħdem bħala massage therapist fuq bażi full-time, ġewwa stabbiliment bl-isem ‘Sun Shine Chinese Massage’, iżda fi Frar tas-sena 2020 l-impjieg tagħha ġie tterminat. Hi fittxet impjieg alternattiv permezz ta’ aġenzija tar-reklutaġġ, Home Care Services Malta, sabiex issib impjieg ieħor, u f’Marzu tas-sena 2020, hija sabet opportunità ta’ impjieg ġewwa lukanda. Spjegat li hija ma setgħetx tmur l-uffiċċji tal-Aġenzija Identity Malta minħabba fir-restrizzjonijiet li ġew introdotti waqt il-pandemija, u għalhekk ma setgħetx timla ċ-Change in Employer Form, bil-konsegwenza li għalhekk hija ma setgħetx tibda taħdem il-Waterfront Hotel. Enfasizzat li konsegwenza ta’ dan, il-Permess ta’ Residenza tagħha ġie revokat, u dan ladarba l-impjieg tagħha ġie tterminat, minkejja li hija ppruvat tirregolarizza l-affarijiet tagħha diversi drabi. Qalet ukoll li hija ressqet appell minn din id-deċiżjoni ta’ Identity Malta li tirrevokalha l-Permess ta’ Residenza, iżda l-avukat difensur tagħha li kellha dakinhar naqas milli jispeċifika l-aggravji tagħha fl-appell ippreżentat quddiem il-Bord.”

Daħlet f’relazzjoni ma’ ċittadin Malti li qed imantniha 

Liu qalet li  kemm ilha tgħix hawn Malta, hija daħlet f’relazzjoni ma’ ċittadin Malti, li qiegħed jieħu ħsieb imantniha, u huma għandhom il-ħsieb li jidħlu f’unjoni ċivili. 

Il-Qorti qalet li “wara d-deċiżjoni u d-direzzjoni li tat din il-Qorti bis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Mejju tas-sena 2021, id-Direttur tad-Dipartiment għaċ-Ċittadinanza u l-Espatrijati, L-Aġenzija Identity Malta infurmat lill-Bord li ladarba l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom kien inħareġ is-single permit ta’ Liu ma kinux għadhom fis-seħħ, il-permess ta’ residenza tar-rikorrenti ġie revokat.

Permezz tad-deċiżjoni mogħtija fit-3 ta’ Diċembru tas-sena 2021, il-Bord iddeċieda li l-appell ta’ Liu għandu jiġi miċħud. Wara dan, Liu  ressqet l-appell tagħha minn din id-deċiżjoni fl-10 ta’ Diċembru fejn talbet lil din il-Qorti tħassar u tirrevoka d-deċiżjoni tal-Bord tat-3 ta’ Diċembru u tilqa’ t-talba tagħha sabiex tkun tista’ tibqa’ tirrisjedi ġewwa Malta. Liu spjegat li hija ħassitha  aggravata bid-deċiżjoni appellata għax fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni għal darba oħra naqas milli jirrispetta d-dritt tagħha għal smigħ xieraq. Tenniet li  f’dan il-każ la hi u lanqas l-avukat difensur tagħha ma rċevew xi komunikazzjoni jew korrispondenza sabiex jidhru quddiem il-Bord u jippreżentaw il-provi tagħhom, jew jagħmlu sottomissjonijiet fir-rigward tal-appell tagħha. 

Liu qalet li minkejja s-sentenza ta’ din il-Qorti tad-19 ta’ Mejju  li permezz tagħha l-Bord ingħata direzzjoni ċara sabiex jisma’ dak li għandha xi tgħid hi,  l-unika komunikazzjoni li rċeviet kien mingħand il-Bord kienet ittra li infurmatha li hija għandha tiġbor kopja tad-deċiżjoni tal-Bord li issa qiegħda tappella minnha. Argumentat li il-Bord għal darb’oħra kien ddeċieda l-appell tagħha mingħajr ma taha l-opportunità li tiddefendi l-każ tagħha.

Liu żiedet tgħid li l-Bord ma kienx veritier meta qal li wara s-sentenza ta’ din il-Qorti, ta digriet fejn akkorda lill-partijiet ġimgħatejn żmien sabiex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom. Iddikjarat li la hi u lanqas l-avukat difensur tagħha ma ġew notifikati b’xi komunikazzjoni jew korrispondenza sabiex jersqu quddiem il-Bord bil-provi jew b’xi sottomissjonijiet tagħhom. 

Il-Qorti fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Mejju qalet li din il-Qorti tat direzzjoni lill-Bord jikkonsidra s-sottomissjonijiet li kellha x’tagħmel Liu, wara li l-Permess ta’ Residenza tagħha ġie revokat konsegwenza tat-telf tal-impjieg tagħha hekk kif bdiet il-pandemija. Minkejja li Liu dak iż-żmien kienet sabet impjieg alternattiv, meta ġiet biex tirreġistra l-bidla fl-impjieg tagħha fl-uffiċċji ta’ Identity Malta, din sabet li dawn kienu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li ddaħħlu fis-seħħ minħabba l-pandemija, u għalhekk ma setgħetx tirregolarizza ruħha ma’ Identity Malta. Jirriżulta wkoll li minkejja li l-appellanta inkarigat avukat sabiex jirrappreżenta l-interessi tagħha quddiemi il-Bord, dan naqas milli jippreżenta l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ ta’ Liu. Minħabba f’hekk il-Bord fid-deċiżjoni tiegħu kkonkluda li Liu baqgħet ma tatx ir-raġunijiet għalfejn l-appell tagħha kellu jintlaqa’, u għalhekk ċaħad l-appell tagħha. 

“l-Bord għandu jkun aktar sensittiv għas-sitwazzjonijiet tan-nies li jersqu quddiemu”

Il-Qorti tal-Appell

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li “l-Bord għandu jkun aktar sensittiv għas-sitwazzjonijiet tan-nies li jersqu quddiemu. F’dan il-każ il-Bord kellu direzzjoni ċara, jiġifieri dik li qabel jagħti d-deċiżjoni tiegħu, kellu jikkonsidra s-sottomissjonijiet tal-partijiet. Għal din il-Qorti mhux aċċettabbli, li minkejja d-deċiżjoni mogħtija minnha ftit anqas minn sena ilu, Liu għadha f’limbu legali dwar jekk hija tistax tibqa’ tirrisjedi ġewwa Malta jew le. L-inqas ħaġa li kellu jagħmel il-Bord qabel jgħaddi għad-deċiżjoni tiegħu, kienet li jassigura li d-digriet tiegħu tat-13 ta’ Settembru, 2021, wasal għand Liu u għand l-avukat difensur tagħha. Il-Bord ma jistax iġib l-iskuża li sar tentattiv ta’ notifika lill-avukat difensur tagħha.’

Intqal li “l-Qorti tifhem li l-Bord għandu mijiet ta’ appelli li jrid jiddeċiedi dwarhom u tapprezza wkoll li x-xogħol tal-Bord mhux faċli. Għal din il-Qorti iżda, wara kull appell quddiem il-Bord hemm persuna, u kull persuna li tersaq quddiem il-Bord tagħmel dan minħabba li f’ħajjitha kien hemm ċirkostanzi, ħafna drabi xejn feliċi, li wassluha tfittex futur aħjar ’il bogħod sew minn pajjiżha u mill-familja tagħha. Ma jistax ikun li persuna bħal Liu tqatta’ sentejn minn ħajjitha f’din l-inċertezza legali, sempliċement għax min kellu jiddeċiedi dwar jekk hija għandhiex jedd tibqa’ tirrisjedi f’Malta jew le, ma tahiex iċ-ċans li tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha qabel ta d-deċiżjoni tiegħu. F’dan l-istadju l-Qorti sejra tqis l-avvenimenti li wasslu għal dan l-appell bħala sensiela ta’ nuqqasijiet amministrattivi, u għaldaqstant qiegħda tordna lill-Bord jieħu dawk id-deċiżjonijiet neċessarji sabiex Liu tingħata smigħ xieraq u titħalla tagħmel is-sottomissjonijiet li tixtieq tagħmel. Il-Qorti tagħmilha ċara għal darb’oħra li qabel jagħti d-deċiżjonijiet finali tiegħu, il-Bord għandu jassigura li l-partijiet involuti fi proċeduri quddiemu ġew notifikati b’kull ordni u b’kull digriet mogħtija minnu, u dan sabiex jiġu evitati appelli ta’ din ix-xorta.” 

Sport