Saturday, December 21, 2024

“Ma kinitx taf min hu missierha… iltaqgħet darba biss miegħu u stupraha” – Tirrakkonta Anna Maria Vella

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kellha biss disa’ snin. Bħal tfal oħra b’realtà fejn il-missier ikun nieqes, kienet tistaqsi lil ommha min hu missierha. Risposta ma kinitx tingħata. Kien hemm raġuni għaliex. Ix-xewqa li tkun taf min hu missierha kienet kbir. Tibqa’ tagħmel l-isforzi u finalment ommha tgħidilha min hu. Tgħidilha dan meta kumbinazzjoni rawh fi triq. It-tifla marret tiġri fuqu u bħal tfal oħra bdiet tgħidu “papà, papà, papà”. Kienet l-ewwel darba li rat lil missierha. Kienet ukoll okkażjoni li baqgħet stampata f’moħħha. F’dik l-ewwel okkażjoni li ltaqgħet miegħu, missierha stupraha. 

Din l-esperjenza rrakkontatha, Anna Maria Vella fil-preżenza ta’ Maria Pelicano, li jaħdmu bla heda f’Dar Hosea, li fiha jingħata kenn lil tfajiet li jkunu fil-prostituzzjoni. Din l-esperjenza iebsa ġiet rakkontata bħala parti mill-kampanja li qed tagħmel il-Bażilika ta’ San Ġorg f’Għawdex intitolata “Fejn hu ħuk?”, li l-għan tagħhom hu li tesponi realtajiet ta’ nies vulnerabbli. 

Waqt li qed tirrakkonta lill-parruċċani ta’ din il-parroċċa u persuni oħra, Anna Maria Vella ma setgħetx iżżomm milli temozzjona ruħha u qabżilha id-dmugħ meta rrakkontat din l-istorja.

Tirrakkonta li “kellna tfajla ta’ 16-il sena u din  qaltli storja. Kellha disa’ snin u ma kinitx taf min hu missierha. Lil ommha kienet tistaqsiha min hu missierha. Ħutha kienu jafu min hu. Fl-aħħar kienet għaddejja mit-triq ma’ ommha u qaltiha dak missierek u din it-tifla, marret ta’ tifla żgħira  li kienet ferħana tgħidu ‘papà papà’.   U dan qaliha ta’ min int. Qaltlu u qalilha e ta’ dik u dan stupraha”.

Anna Maria tirrakkonta li “din marret id-dar u lil ommha qaltilha missieri għamilli hekk. Ommha qaltilha mhux għalhekk  jien m’għedtlekx min hu missierek.  Din it-tfajla ġarret din l-istorja  ħafna snin.  Tgħidllek li l-papa l-unika darba li  kellimni lili stuprani. Ġara li dan miet u hi ġiet l-uffiċċju tgħidli li miet missierha u ġiet biex mmorru narawh fil-mortwarja.  Morna narawh u kien hemm raġel li kien jieħu ħsieb u qaltlu fejn hu t-tali. Dan qalilha dak diġà qed jinten. Qed f’dik il-borża s-sewda. Din it-tfajla bdiet tgħajjat u twerżaq għax ma riditx hekk. Talbitni inġib permess, għax hi skopriet li se jindifen fil-komun u ma kienx se jkollu funeral. Din kienet diffiċli wisq għaliha. Tlabna biex nistennew 24 siegħa. Hi ġabret LM 300  u għamlitlu funeral kif jistħoqqlu”.

Anna Maria Vella tgħid li “dik il-mara ma rċeviet xejn mingħand missierha imma  però riedet tħobbu b’fantasija. Ta’ raġel ħażin ta’ raġel li kieku jien… imma niftakar li hi u tgħidli kien hemm xi ħadd miegħi  li qal issa nifhem għaliex il-prostituti jaslu l-ġenna qabilna kollha.  Għax fil-verità is-sofferenza tagħha tpatti għal kull ħaġa ħażina li jagħmlu”, tiddikjara Anna Maria Vella, waqt li emozzjonat ruħha.

Ekonomija

Sport