Thursday, March 28, 2024

Spidey joffri tama

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Hollywood ħa nifs qawwi fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta “Spider-Man: No Way Home” kellu ftuħ eċċezzjonali u fl-ewwel tlitt ijiem laħaq iċ-ċifra ta’ $253 miljun.  Dan id-dħul hu aktar sinifikanti meta tqis li l-pubbliku qed jinħakem mill-biża’ tat-tixrid tal-varjant Omicron.  

L-entużjażmu li kien hemm fl-Istati Uniti għal dan il-film kienet kbira daqs meta fl-2018 kien ħareġ “Avengers: Endgame” u fl-opening weekend daħħal is-somma storika ta’ $357 miljun.  Dik iċ-ċifra hi impossibbli li tintlaħaq fil-mument minħabba l-pandemija.  Madankollu wieħed irid jirreġistra li f’dan iż-żmien ta’ inċertezza tal-era tal-COVID, ebda films ma qabeż id-dħul ta’ $100 fl-ewwel tlitt ijiem.  L-aħjar li mar kien “Venom: Let There Be Carnage” b’dħul ta’ $90 miljun fl-ewwel tlitt ijiem.

Mill-banda l-oħra, it-thriller ta’ Guillermo del Toro, “Nightmare Alley” kellu destin totalment oppost: $2.83 miljun biss u okkupa l-ħames post.

Bejn it-tieni u r-raba’ post wieħed isib, il-film animat “Encanto”, ir-remake tal-musical klassiku “West Side Story”, filwaqt li fir-raba’ post “Ghostbusters: Afterlife”.

Spider-Man: No Way Home

Wara t-tmiem tal-Avengers, għad baqalhom futur il-films tas-super-eroj?

Hi mistoqsija li naħseb qegħda tħabbel moħħ sew il-kumpanija Marvel li f’dawn l-aħħar għoxrin sena, l-blockbiusters tas-super-eroj kellhom dħul bejniethom ta’ aktar minn $30 biljun.  Fejn jistgħu jmorru wara t-tmiem tas-saga tal-Avengers?

“Spider-Man: No Way Home” jista’ jkun li għandu ċ-ċavetta tal-futur.  Is-suċċess li qed ikollu fil-box office fl-ewwel jiem huwa ta’ serħan il-moħħ.  Is-soluzzjoni hi li jesploraw il-‘multiverse’: tenniji ta’ diversi universi paralleli.

L-idea diġa ġiet ippruvata u saret familjari ma’ min ra l-film animat “Spider-Man: Into the Spider-Verse” li hawn Malta kien ħareġ għall-wiri bħal daż-żmien 4 snin ilu.  Kien dan il-film li nistgħu ngħidu introduċa fuq l-iskrin il-kunċett ta’ aktar minn Spidey wieħed.

Mhux ser nidħol fil-fond tal-istorja għax persważ li ħafna qarejja qed iħallu li jaraw dan il-film fil-jiem ta’ festi li ġejjin u ma nixtieqx intellef is-sorpriżi li fih.  Hemm bosta u s-suċċess tal-film jiddependi fuqhom.

Il-protagonisti tal-film jibqgħu Tom Holland u Zendaya fil-partijiet rispettivi ta’ Peter Parker/Spider-Man u MJ.  

Jon Watts li qed jidderieġi “Spider-Man” għat-tielet darba impona fuq Peter Parker li jrid jiffaċċja ħames villains minn films passati.  Dawn huma: Dr Otto Octavius/Doc Ock (Alfred Molina); Norman Osborne/Green Goblin (Willem Dafoe); Max Dillon/Electro (Jamie Foxx); Flint Marko/Sandman (Thomas Haden Church); u Dr Curt Connors/The Lizard (Rhys Ifans).  Fil-fehma tiegħi, ebda wieħed minhom ma jintimidak daqs meta rajnihom l-ewwel darba.  

Is-sorpriżi qatt ma jieqfu, speċjalment id-deċiżjoni mhux mistennija ta’ Peter flimkien ma’ MJ u l-ħabib tagħhom Ned (Jacob Batalon) fil-konfront ta’ dawn il-villains – deċiżjoni li tmur kontra il-parir ta’ Doctor Strange (Benedict Cumberbatch).  Id-deċiżjoni ta’ Peter tista’ hi aktar fil-linja ta’ kif is-soċjetà tal-lum, partikolarment dik żagħżugħa, saret taħsibha dwar il-kriminal u kif għandu jkun kastigat.  Ipparaguna dak li jiġri f’“Spider-Man: No Way Home” mad-destin tal-kriminali fil-films tal-passat.

Fil-fehma tiegħi, Tom Holland jagħti l-anqas interpritazzjoni interessanti mit-tlieta li ħadem.  L-effetti viżwali huma mervailja imma jgħajjuk bl-intensità tagħhom u jtellfuk milli tikkonċentra fuq in-narrattiva kultant kumplessa li għandu.  

Huwa film li jgħaddi kumment fuq il-medja, rappreżentata minn qarrej tal-aħbarijiet li jheda jivvinta l-konġuri u jallarma l-poplu.  Il-qarrej hu J. Jonah Jameson (J.K. Simmons).

“Spider-Man: No Way Home” għandu żewġ xeni fil-credits tal-aħħar – waħda minhom fl-aħħarnett.   

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 12A (tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati  minn adult) minħabba xeni ta’ vjolenza moderata u xeni li jistgħu jkunu tal-biża’ għat-tfal.

Ekonomija

Sport