Sunday, August 24, 2025

“Ma’ kull ġurnata li tgħaddi minn kull każ pendenti tkun qiegħda tintilef il-ġustizzja mal-vittma”

Il-Kummissarju Samantha Pace Gasan dwar id-dewmien biex jibda l-ġuri ta’ Chantelle Chetcuti

Aqra wkoll

“Fir-rigward tad-dewmien fil-qrati, jiena konxja li żdiedu r-riżorsi biex każijiet ta’ ġuri jkunu jistgħu jinstemgħu aktar malajr madankollu, għad hemm każijiet li jieħdu fit-tul b’weġgħa akbar għall-familjari u l-ħbieb tal-vittma. Ma’ kull ġurnata li tgħaddi minn kull każ pendenti tkun qiegħda tintilef il-ġustizzja mal-vittma”. 

Qalet dan il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi l-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan f’kumment li tat lil dan il-ġurnal dwar il-każ ta’ Chantelle Chetcuti wara li qraba tal-vittma lmentaw minn dewmien biex jinbeda l-ġuri kontra l-allegat qattiel. Chetcuti, omm ta’ żewġt itfal, inqatlet b’mod brutali b’sikkina f’rasha fi Frar tal-2020 f’Ħaż-Żabbar u r-raġel akkużat b’ dan il-femiċidju huwa l-eks sieħeb tagħha. Dan kien ingħata l-ħelsien mill-arrest disa’ xhur biss wara li seħħ l-omiċidju. Ninsabu fl-2025 u għadu ma bediex ġuri fuq dan il-każ bil-qraba jsostnu li, “meta l-ġustizzja tieħu daqshekk żmien, tibgħat messaġġ ċar li tista’ toqtol, tabbuża jew teqred u s-sistema xorta tagħtik snin ta’ libertà. Ma tfallix biss lill-vittmi iżda tistieden aktar ħsara”.

Il-Kummissarju Samantha Pace Gasan qaltilna li, “min-naħa tagħna, il-Kummissjoni taħdem qrib il-Ministeru tal-Ġustizzja wkoll biex jiġu implimentati miżuri fl-istrateġija nazzjonali li jindirizzaw sfidi relatati mal-aċċess għal ġustizzja ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika”.

“Ħadd m’għandu dritt iweġġa’ 

jew jieħu l-ħajja ta’ ħaddieħor”

Spjegat li l-femiċidju huwa l-għar forma ta’ vjolenza fuq in-nisa u kif lura fl-2022 ġie amendat il-Kodiċi Kriminali ta’ Malta biex żdied l-aggravju f’każijiet ta’ femiċidju għax ħadd m’għandu dritt iweġġa’ jew jieħu l-ħajja ta’ ħaddieħor. Enfasizzat però li, “minkejja dan, meta jkun hemm każijiet ta’ vjolenza domestika, speċjalment dawk li sfortunatament iwasslu għal qtil, irridu naraw li ssir ġustizzja mal-familji tal-vittmi”. 

Bħala Kummissjoni wieħed mill-irwoli prinċipali tagħhom huwa li jikkordinaw bejn l-entitajiet kollha biex iħarsu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-Istrateġija Nazzjonali li primarjament jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. 

“Għalhekk l-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika tiffoka fuq erba’ pilastri: politika integrata, prevenzjoni, protezzjoni u prosekuzzjoni. Fil-fatt, miżuri bħal panic alarms jgħinu biex tiżdied il-protezzjoni għal persuni li diġà esperjenzaw il-vjolenza u ssir prevenzjoni minn aktar vjolenza severa li tista’ twassal għal omiċidju,” temmet tassigura l-Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport