Saturday, December 21, 2024

“Ma naqbilx assolutament mal-pożizzjoni li ħa Bernard Grech”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-GWU b’reazzjoni għall-fatt li l-Kap tal-PN filli kien favur filli f’daqqa waħda dar kontra

Is-sħubija f’unjin hija spinta għal titjieb fil-kundizzjonjiet tax-xogħol, kif ukoll protezzjoni għall-ħaddiema minn abbużi fosthom il-prekarjat. Bil-għan li dawn l-elementi jkunu indirizzati b’mod tanġibbli u ħadd ma jaqa’ lura fl-2017 il-General Workers’ Union ipproponiet sħubija mandatorja għall-ħaddiema kollha f’unjin tal-għażla tagħhom. Din il-proposta kienet intlaqgħet tajjeb kemm mill-Gvern, kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista. Issa lejn it-tmiem tal-kampanja elettorali, però, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech ħareġ b’saħħa kontra din il-proposta u dan mingħajr ma ta r-raġunijiet tiegħu. Għall-GWU, dan il-pass minn Grech huwa stramb ħafna u kkonfonda lil kulħadd b’mod speċjali għall-fatt li fil-proposti tal-PN stess għall-budget tas-sena tniżżlet proprju din il-proposta.

Dan is-sit ħa kumment mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, li min-naħa tiegħu ma jistax jifhem kif f’daqqa waħda l-Kap tal-PN biddel il-pożizzjoni tiegħu meta proposta bħal din tista’ biss ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. 

Filwaqt li ddikjara li assolutament ma jaqbilx mal-pożizzjoni li ħa Grech f’dan ir-rigward, Bugeja qal li, “ma nistax nifhem għala qatt ma talabna nagħmlu xi diskussjoni miegħu biex infehmuh għalfejn għamilna din il-proposta. Imma, l-aktar li huwa stramb huwa l-fatt li l-PN kien jaqbel mal-prinċipju u kien huwa stess li fl-aħħar budget ipproponiha għal dawk il-ħaddiema b’pagi baxxi biex issa dar kontra. Huwa pass stramb ħafna u ma tani ebda argument għala huwa kontriha ħlief li huwa dritt”.

Is-Segretarju tal-GWU qal li huwa minnu li huwa dritt imma talab lil Bernard Grech jgħidlu x’se jagħmel għal dawk il-ħaddiema li huma mċaħħda minn dan id-dritt. Filwaqt li Bugeja assigura li din mhiex kwistjoni biex il-Unjins iddaħħlu aktar membri għax fil-fatt l-għażla tal-unjin hija f’idejn il-ħaddiema stess, huwa sostna li d-dinja tax-xogħol qiegħda tinbidel u l-abbuż fuq il-ħaddiema qiegħed kullimkien. Fil-fatt anke fl-Unjoni Ewropeja hemm diversi mudelli ta’ sħubija mandatorja u anke l-ILO tagħmel referenza għalhekk. 

Sitwazzjoni perikoluża ħafna fid-dinja tax-xogħol…

Il-ħsieb għal sħubija mandatorja twassal b’mod konkret u tanġibli lura fl-2017 għalkemm il-GWU qabel kienet diġà għamlet proposti oħra fuqha. Dan kien tqanqal minħabba sitwazzjoni fejn kien hemm postijiet tax-xogħol bla rappreżentanza ta’ unjin u għaldaqstant bla ħarsien lejn l-interessi tal-ħaddiema, mentri min-naħa l-oħra kien hemm dawk li nsejħulhom “free riders” – ħaddiema li ma jissieħbux f’unjin imma jgawdu mill-ftehim kollettiv miksub għall-kollegi tagħhom. 

Il-GWU kienet tkellmet dwar kif għandha tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni u dak iż-żmien il-partiti ewlenin qablu magħha. Matul iż-żmien din il-Ujnin għamlet dokument relatat u ppreżentatu l-MCESD. Sussegwentement saret diskussjoni fir-rigward fl-istess MCESD. Aparti t-trade unjons kien assoċjazzjonijiet oħra li jaqblu mal-prinċipju. Minn dakinhar faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 u kien waqaf ħafna mix-xogħol li kien qiegħed isir. Imma, il-prinċipju dejjem baqa’ l-istess.

Bugeja spjega li fid-dinja tax-xogħol hemm relazzjoni – dik bejn min iħaddem (employer) u min jaħdem (employee). “Dan għandek xi ħadd li għandu l-obbligi u xi ħadd li għandu r-responsabbiltajiet. Imma, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din ir-rabta qiegħda tinqata’ fejn l-obbligi jibqgħu iżda r-responsabbiltajiet ma jibqgħux. Din is-sitwazzjoni hija perikoluża ħafna minħabba li twassal għal ġirja ‘l isfel fejn jonqsu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Din aħna ma rriduhiex,” sostna Bugeja.

“Lokalment għandna impjegati li lanqas tista’ ssejħilhom impjegati għax m’għandhomx employer; ħaddiema li ma nafux taħt liema kundizzjonijiet jaħdmu u ma tistax titkellem għalihom; u postijiet tal-kostruzzjoni fejn rajna ħaddiema jintefgħu barra fuq il-bankina…”

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Huwa qal li din is-sitwazzjoni perikoluża għall-ħaddiema tagħna rajniha sseħħ waqt il-pandemija tal-Covid-19 fejn seħħu abbużi fil-postijiet tax-xogħol fosthom dawk tal-platform economy u dawk tal-prekarjat li jġibu ħaddiema b’kundizzjonijiet bażiċi u jsir sfruttament. Is-Segretarju tal-GWU insista li kundizzjonijiet bħal dawn fuq il-ħaddiema jridu jinqatgħu u li huwa impossibbli li l-infurzar kollu jsir min-naħa tal-Gvern għax dan “ma jistax ilaħħaq ma’ kulħadd u ma’ kullimkien u għaldaqstant jgħinu l-unjins”.

Fost eżempji li ta Bugeja hemm dik tad-diskrepanza fil-pagi bejn il-ġeneri, magħruf bħala l-gender pay gap. “Dan huwa eżempju ċar ħafna u statistikament ippruvat fejn fl-akbar settur li huwa trejdunjonizzat, il-gender pay gap huwa 0% għax aħna ma nitkellmux fuq il-persuna iżda nitkellmu fuq ix-xogħol, mentri f’postijiet tax-xogħol fejn m’hemmx unjin din id-diskrepanza teżisti sew. Għaldaqstant, toħroġ iżjed l-evidenza ta’ kemm hija meħtieġa li tidħol fis-seħħ din il-proposta tagħna,” saħaq Bugeja.

“Bi sħubija mandatorja ħadd ma jhedded lil ħadd”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li min jargumenta għax hemm id-dritt tal-assoċjazzjoni, ħadd ma jagħti risposta dwar min irid jissieħeb f’unjin imma jiġi mċaħħad milli jagħmel dan. Bugeja qal li, “każijiet bħal dawn hawn ħafna u rajna kuntratti li fihom ikun hemm miktub li ma tistax tissieħeb f’unjin. Ġbidna l-attenzjoni u rranġaw il-kuntratti imma dawn huma każijiet li sirna nafu bihom u nafu fiċ-ċert li hemm ħaddiema oħra mċaħħda minn dan id-dritt. Hawnhekk ikollna ħaddiema li jibżgħu jidħlu f’unjin għax l-imgħallem jurta ruħu jew li jagħmlilhom xi ħaġa inkluż li jheddidhom bi tkeċċija. Dan bħalma ġara f’każ minnhom f’fabbrika f’Għawdex fejn hedduhom li jitilfu x-xogħol u ma jibqgħux jaħdmu f’Għawdex b’konsegwenza li jkollhom jiġu jaħdmu hawn Malta”.

Huwa qal li l-fatt li sħubija f’unjin tkun mandatorja, ħadd m’għandu jhedded lil ħadd għax tkun hemm għal kulħadd bħalma kulħadd iħallas il-bolla. “Dan huwa l-punt tal-prinċipju li qegħdin naħdmu fuqu. Dan jekk, verament irridu li jiżdied il-collective bargaining coverage li bih il-kundizzjonijiet tax-xogħol jibdew jiġu nnegozjati dejjem u għal kulħadd biex ilkoll nimxu ‘l quddiem,” kompla Bugeja. Huwa ironiku kif min iħaddem qiegħed jiġġieled kontra dan id-dritt meta ma għandu l-ebda dritt li jitkellem f’isem il-ħaddiema. 

Bil-proposta tal-GWU se nkunu qegħdin ngħaqdu aktar nies u għaldaqstant, kulħadd jimxi ‘l quddiem. Bugeja qal li b’hekk ħadd ma jaqa’ lura b’mod speċjali l-ħaddiema vulnerabbli li huma f’periklu akbar ta’ abbuż u/jew ibbuljar.

Fil-passat kienu jgħidu li fejn ikun hemm trejd unjin, din tkun riġida imma matul is-snin il-GWU tat prova ċara fejn f’kull post tax-xogħol li kienet, mhux talli ma kinitx riġida, iżda kienet flessibbli u innovattiva fil-proposti tagħha tant li kellna postijiet tax-xogħol li kkompetew ma’ oħrajn barra minn xtutna u rebħu l-investiment tant li x-xogħol lokali tkabbar għal darba, darbtejn u anke tlieta. 

“Dan ġara f’diversi postijiet. Ir-rwol li ħadet il-Unjin kienet li anke ġġib investiment f’Malta, titkellem ma’ trejd unjins barranin, kif ukoll ma’ forums oħra. B’dan il-mod jiżdiedu l-impjiegi u l-istess impjiegi jkunu ta’ kwalità,” tenn b’sodisfazzjoni Bugeja.

Barra l-kwalità hemm il-punt kardinali li huwa l-protezzjoni tal-ħaddiema. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li lokalment għandna sitwazzjonijiet fejn illum impjegat lanqas tista’ ssejjaħlu impjegat minħabba li m’għandhomx employer. Għandna ħaddiema li ma nafux taħt liema kundizzjonijiet jaħdmu u ma tistax titkellem għalihom, kif ukoll postijiet tal-kostruzzjoni fejn rajna ħaddiema jintefgħu barra fuq il-bankina għax m’għandhom ebda protezzjoni. 

“Ħadd ma jipproteġi lil dawn il-ħaddiema u aħna rridu nagħtu vuċi lil dawk il-ħaddiema li m’għandhomx protezzjoni. Dan huwa l-ħsieb wara l-proposta tagħna,” temm b’konvinzjoni Josef Bugeja. 

Ekonomija

Sport