Sunday, December 22, 2024

“Ma narax problemi mal-KE dwar il-Budget” – il-Ministru Clyde Caruana

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ddikjara li l-Budget 2022 diġà ġie sottomess quddiem il-Kummissjoni Ewropea u mistenni li fil-bidu ta’ Diċembru jingħataw risposta mingħandhom fejn mhux qed jara li se jkun hemm problemi. 

Il-Ministru Caruana qal dan f’konferenza stampa li indirizza llum bit-tema “Malta li rridu għal uliedna.” Huwa beda biex qal li l-messaġġ li ried jitwassal b’dan il-budget kien wieħed ċar – li dan il-Gvern għamel ħiltu kollha u għamel il-miżuri kollha li hemm bżonn sabiex ġie salvat is-suq tax-xogħol f’pajjiżna.

Huwa rrefera għal diversi miżuri elenkati fil-budget fosthom it-tnaqqis fit-taxxa fuq il-part-time, il-pensjonanti fuq medda ta’ ħames snin se tonqsilhom l-ammont ta’ taxxa li jħallsu jekk jibqgħu fid-dinja tax-xogħol u min jaħdem ma’ kuntrattur li jagħti servizzi lill-Gvern se jitħallas bir-rata doppja nhar ta’ Ħadd jew festi.

“Dan kollu għamilnieh għax dan il-Gvern għandu qasam tax-xogħol b’saħħtu,” qal il-Ministru Caruana. “Għal kull miżura, jiena għedt kemm se tiswa u kemm se jkun l-ammont li se jibbenefikaw minnha. Dan għall-kuntrarju tal-Kap tal-Oppożizzjoni li għal-lista ta’ wegħdiet tiegħu, la qal kemm se jibbenefikaw nies u lanqas kemm se tkun l-ispiża ta’ dak kollu. Dan huwa każ klassiku tal-ispiżjar milli jkollu jtik.”

Il-Ministru Caruana qal li trid tkun ironiku li tikkritika lil ħaddieħor fuq jekk dak li huwa ppreżenta hux sostenibbli jew le, meta fil-proposti li l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq dan fl-ebda ħin ma rrimarka kemm dawn l-affarijiet se jiġu jiswew lill-pajjiż.

Huwa tenna wkoll li dan il-budget qed jindirizza l-isfidi tal-lum u jagħti ħarsa ‘l quddiem. Qal li “bil-miżuri li għamilna qed ninkoraġġixxu aktar nies, dawk li jridu, li jitfgħu aktar sigħat fix-xogħol. Dan se jwassal biex l-ekonomija Maltija s-sena d-dieħla tirreġistra tkabbir ta’ 6.5% u grazzi għal dak it-tkabbir naraw li se jkun hemm aktar dħul mill-Gvern.”

Il-Ministru Caruana semma wkoll il-politika nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol li tnediet riċentament fejn qal li dan id-dokument jispjega x’inhuma l-opportunitajiet u anke l-isfidi li għandu l-pajjiż quddiemu. Identifikajna l-isfidi u morna lil hinn minn hekk.

“Hekk kif jispiċċa ċensiment tal-popolazzjoni, wara jibda ċensiment ieħor dwar il-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan irridu nagħmluh għax minn hemm irridu nidentifikaw fejn huma n-nuqqasjiet tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħna.

“Ħabbart numru ta’ miżuri li beħsiebna nibdew inwettqu minn kmieni s-sena d-dieħla, fosthom dwar il-ħiliet tal-ħaddiema. Irridu naraw l-istess ħaddiema Maltin u Għawdxin isiru aktar produttivi għax intejbu l-ħiliet tagħhom.

“Se ninvestu fondi addizzjonali allokati f’dan il-budget li l-għan tagħhom huwa li jmorru għand il-kumpaniji sabiex iħarrġu lill-ħaddiema tagħhom fil-ħiliet li hemm bżonn,” żied jispjega l-Ministru Caruana.

“Qed nipproponu soluzzjoni kif il-ħaddiem Malti jimxi aktar fl-iskaluna tal-mobbiltà soċjali”

Sostna li hekk kif jitlesta dan l-eżerċizzju mbagħad jibda ieħor – digital audit ta’ kull post tax-xogħol biex nassiguraw li l-opportunitajiet li mistennija jinħolqu fl-ekonomija tagħna għas-snin li ġejjin inkunu nistgħu naħtfuhom.

“Jekk inħarsu lejn l-ekonomija tagħna, fis-setturi fejn l-iktar il-pagi huma għoljin, fejn l-aktar li l-ħaddiema jeħtiġilhom ħiliet sfortunatament ħafna minn dawn l-opportunitajiet tax-xogħol jittieħdu mill-barranin.

“Aħna qed nagħrfu li din hija sfida. Aħna qed nipproponu s-soluzzjoni ta’ kif se naraw il-ħaddiem Malti u Għawdxi se jimxi aktar fl-iskaluna tal-mobbiltà soċjali. Kif f’dan il-Gvern matul dawn l-aħħar 8 snin irnexxielna ntejbu l-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin, issa wasal iż-żmien li l-ħaddiem Malti kollu kemm hu jagħmel din il-qabża ‘l fuq.

“Dan il-budget huwa l-bidu għal din il-qabża li rridu nagħmlu u dan il-Gvern qed ipoġġi l-flus fejn hemm bżonn biex nassiguraw li dak li jixtiequ l-Maltin u l-Għawdxin, livell ta’ għajxien aħjar billi jitjiebu l-pagi, se nkunu qed nagħmluh mis-sena d-dieħla biex nassiguraw li l-aspettativi tal-Maltin u l-Għawdxin dan il-Gvern ikompli jilħaqhom fis-snin li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana. 


Ekonomija

Sport