Saturday, April 27, 2024

“Ma nemmnux li għandna nneħħu monumenti storiċi … il-George Cross hu simbolu ta’ kuraġġ”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn Victor Vella

Fl-aħħar jiem fir-Renju Unit u anke f’pajjiżi oħra madwar id-dinja bdiet issir pressjoni  biex jitneħħew ċerti monumenti. Fi Bristol, protestanti waqqgħu l-istatwa ta’ Edward Colston u tefgħuha l-baħar. Dan minħabba r-rabta mal-iskjavitu. Qamet ukoll diskussjoni dwar il-fundatur tal-Iscouts, Baden Powell, tant li l-istatwa tiegħu kellha tiġi protetta. Qed tiġi enfasizzata li l-passat ma jistax jinbidel imma jistgħu jinbidlu l-konsegwenzi tal-passat.

F’Malta għandna ukoll monumenti u simboli li jfakkruna fi żmien kolonjali. Monmenti li għal xi wħud għandhom jitneħħew minn fejn qegħdin huma dawk tar-Reġina Vittorja fi Pjazza Reġina, il-monument ta’ Alexander Ball u dak tal-Gran Mastru Vilhena fost oħrajn. Il-George Cross fuq il-bandiera Repubblika tagħna ukoll hu suġġett li minn żmien għal żmien ikun fid-diskussjoni. 

Dan is-sit għamel kuntatt mal-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u Gvern Lokali dwar jekk iħossux li wasal iż-żmien li niddiskutu dawn il-monumenti u l-preżenza tagħhom.

Il-Ministeru meta wieġeb għad-domandi ta’ inewsmalta qalilna li “filwaqt li huwa san li jkun hemm diskussjonijiet ta’ dan it-tip, li jkun hemm djalogu, ma nemminx iżda li għandna nneħħu l-monumenti storiċi tagħna. L-avvenimenti tal-passat għandhom jiġu interpretati fl-isfond storiku ta’ dak iż-żmien u mhux bil-kejl tal-lum.”

Jenfasizza li “l-monumenti storiċi tagħna qegħdin hemm sabiex ifakkruna fil-ġrajjiet tagħna u jtuna l-identità ta’ pajjiż imnissel minn diversi kulturi u episodji, bħal ma kien il-każ ta’ ħafna u ħafna pajjiżi oħra. Għal dak li jikkonċerna l-George Cross, dan jissimbolizza l-kuraġġ tal-poplu tagħna fiż-żminijiet diffiċli tal-gwerra, bħala parti mir-Renju Unit. Il-George cross huwa simbolu tal-kuraġġ li għandu dan il-poplu li lest li jaffronta l-isfidi kollha li jiġu quddiemu.”

Sport