Thursday, April 25, 2024

Mill-Parlament Ewropew

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli

Hekk kif qed nerġgħu lura għal pass normali ta’ xogħol, l-attivitajiet u l-laqgħat li qed nagħmlu qed ikunu taħlita bejn laqgħat onlajn u laqgħat wiċċ imb’wiċċ.

Din il-ġimgħa kienet mimlija b’ħidma li tindirizza temi u oqsma differenti fosthom laqgħat dwar suġġetti li kommessa nkompli naħdem fuqhom.

Għal qalbi għandi ħafna l-issues li jolqtu lit-tfal. Din il-ġimgħa flimkien mal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi ħdimt fuq pjan tal-Grupp dwar l-edukazzjoni. L-enfasi tiegħi kien dwar l-importanza li jkollna strateġija edukattiva li tintegra lil kulħadd b’mod partikolari tfal li għandhom problemi biex jitgħallmu inkluż tfal bl-awtiżmu, dyslexia jew kundizzjonijiet oħra. Madwar l-Unjoni Ewropea għandna 15-il miljun tifel u tifla bi ħtiġijiet edukattivi speċjali, fejn ħafna minnhom lanqas biss jintlaħqu mis-sistemi edukattivi ezistenti. 

Fl-aħħar ġranet fil-Parlament Ewropew ġejt maħtura bħala Viċi President ta’ grupp li jaħdem kontra l-kanċer. Bħala parti mill-ħidma tiegħi, matul dawn il-jiem iltqajt ma’ organizazzjoni Ewropea li taħdem biex tindirizza tfal li jbatu minn mard rari, inkluż ukoll il-kanċer. Kommessi li naħdmu flimkien biex forsi nibdew intaffu ftit mit-tbatijiet li jiltaqgħu magħhom dawn it-tfal u l-ġenituri tagħhom.

Il-pandemija kompliet titfa’ dawl fuq il-kruha tad-diskriminazzjoni u fejn persuni qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom għax jgħixu f’pajjiżi fejn il-gvern iħoss li huma anqas minn ħaddieħor. Tkellimt dwar dan fil-kumitat Parlamentari dwar id-drittijiet ċivili flimkien mal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli. Tkellimna dwar kif għandna nindirizzaw diskorsi ta’ mibgħeda, attakki fuq persuni LGBTI+ u politika rigressiva ta’ pajjiżi bħall-Ungerija u l-Polonja. 

Il-ħidma trid tintensifika wkoll kontra l-abbuż fiżiku u mentali, kontra l-vjolenza abbażi ta’ ġeneru u l-vjolenza domestika. Komplejt b’laqghat ma’ organizazzjonijiet li jaħdmu fis-settur tal-vjolenza domestika, din id-darba mal-Fondazzjoni St Jeanne Antide biex noħorġu bi proposti li jistgħu jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika u lil uliedhom li ħafna drabi jispiċċaw bi trawma li jġorru ma’ ħajjithom kollha. 

Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tibqa’ wkoll fost l-aktar temi topiċi. Wara diskussjonijiet li kelli mal-President tal-S&D, intbagħtet ittra lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran. Fl-ittra l-grupp kien ċar li Malta u l-Italja ma jistgħux jitħallew waħedhom, li hemm bżonn ta’ mekkaniżmu permanenti Ewropew ta’ tfittxjija u salvataġġ u mekkaniżmu mandatorju għal rilokazzjoni. 

Il-ħidma tagħna tkompli fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin. 

Sport