Wednesday, March 27, 2024

Fiduċja f’pajjiżna

Aqra wkoll

Minn Miriam Dalli

Ftit tal-jiem ilu kont preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ ċentru tan-negozju ġdid fil-Mosta; frott il-ħidma, investiment u bżulija ta’ intraprendituri Maltin. Aktar minn qatt qabel qed naraw kif iċ-ċavetta ewlenija għas-suċċess hija l-fiduċja: fiduċja f’min ifassal l-politika tal-pajjiż, u fiduċja tal-Gvern f’min jinvesti f’pajjiżna.

Li jkollok fiduċja f’xi ħadd, jew fl-awtorità, m’hijiex xi ħaġa li tinkiseb kif ġieb u laħaq. Irid ikollok track record ta’ azzjonijiet maħsuba tajjeb, ta’ serjetà, ta’ inizjattivi li jkunu ġabu bidla pożittiva. Il-fatt li pajjiżna esperjenza tkabbir ekonomiku bla preċedent tul dawn l-aħħar snin huwa indikazzjoni qawwija li iva, min jinvesti għandu fiduċja fit-tmexxija tal-pajjiż. U bl-istess mod, il-Gvern għandu fiduċja fil-kreattività, id-determinazzjoni u l-integrità tan-negozji u l-imprendituri Maltin u Għawdxin, u għalhekk inċentivahom sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Se naħdmu biex dawn l-aspirazzjonijiet nagħmluhom ‘future-proof’ – biex nintroduċu u nimplimentaw malajr kemm jista’ jkun il-kunċett ta’ żvilupp li mhux biss iġib profitt, imma jġib profitt sostenibbli u jtejjeb il-madwar. B’mod naturali tqum il-mistoqsija jekk dan huwiex żmien ideali li niddiskutu l-ġejjieni, meta madwarna u b’mod globali hemm pandemija li qed tikkawża danni kbar lil ċertu negozjanti u ċertu setturi. Bħala policy makers, nistgħu niffokaw biss fuq l-immedjat.

Aħna ma rridux nagħmlu hekk biss. Wieħed mill-prinċipji fundamentali li nemmen fih huwa li f’kull sitwazzjoni naraw li nsibu opportunità. Dan huwa żmien delikat li fih irridu nilħqu bilanċ it-tajjeb bejn it-tama għall-futur u r-realtà tal-preżent. Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ tkabbir huma possibli, jeħtieġu iżda li nieħdu azzjoni.

Jeżistu ħafna opportunitajiet anke għall-investiment minn negozji u intrapriżi Maltin u Għawdxin. Jekk ma jsirx investiment f’dan is-sens, se nsofru konsegwenzi li jaf ikunu aktar fit-tul u aktar problematiċi mill-problemi li għaddejjin minnhom bħalissa. Qed nitkellem fuq soluzzjonijet għall-użu aħjar tal-art u l-ispazju fiżiku, soluzzjonijiet għall-użu aħjar tal-enerġija, il-bżonn ta’ tfassil aktar effiċjenti tal-binjiet tagħna, il-bżonn ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, il-bżonn ta’ metodi dejjem aktar intelliġenti tal-immaniġjar tal-iskart, il-protezzjoni tal-ħajja marittima, il-bżonn ta’ metodi agrikoli li jagħmlu l-prodott lokali profitabbli u mfittex mill-konsumatur, it-titjib tal-kwalità tal-arja, il-bżonn ta’ investiment fit-tagħmir ta’ riċerka, il-bżonn tal-introduzzjoni ta’ dawn il-valuri fis-settur edukattiv….il-lista hija twila wisq biex insemmi fi spazju limitat.

Issa li ntbaħna li mhux dejjem nistgħu niddependu fuq setturi tradizzjonali għad-dħul tagħna, tajjeb li naraw fejn jaqbel li ninvestu. Dan kollu jżid il-fiduċja reċiproka bejnitna.

Fuq kollox, ħarsitna għandha tmur mhux biss lejn min jinsab fin-negozju llum-il ġurnata, iżda fuq min għandu potenzjal li jinvesti fil-ġejjieni. Uliedna huma l-preżent u l-futur. Irridu nnisslu fihom l-idea li dan huwa żmien ta’ sfida iżda żmien fejn huma, bl-immaġinazzjoni u entużjażmu tagħhom, jistgħu isibu soluzzjonijiet. Għalkemm kreattivita tibqa ingredjent ewlieni, tajjeb li ndaħluha aktar fl-istudenti tagħna biex tissarraf fil-prattika, biex dak li joħolmu jkunu jistgħu jwettquh. Neħtieġu aktar studenti intiżi f’oqsma bħar-riċerka, xjenza u inġinerija; l-oqsma spiss imsemmija bħala s-suġġetti tal-ġejjieni. Barra minn hekk, fi kwalunkwe suġġett li ngħallmu, mill-arti għall-litteratura għall-inġinerija jew l-istudji relatati man-negozju, ngħallmu xi tfisser is-sostenibilità. Għaliex kull suġġett, kull professjoni u kull ċittadin huwa importanti biex idea tinbet, titwettaq u tiżviluppa b’mod li jġib differenza.   Huwa minnu li bħalissa għaddejjin minn fażi li ħafna qatt ma esperjenzaw bħal fil-ħajja professjonali tagħhom. L-inċertezza ġġib magħha ċertu biża’, speċjalment fis-settur ekonomiku. Iżda llum aktar minn qatt qabel irridu nħarsu lejn dawk l-opportunitajiet li mhux talli ilhom miftuħa, talli jekk ma ngħaddux minnhom, se nbatu kollha kemm aħna. L-opportunitajiet qedin hemm: issa rridu nkunu aħna li nisfruttawhom.

Ekonomija

Sport