Sunday, December 22, 2024

“Ma nemmnux li hi wegħda qabel l-elezzjoni… sa April kellhom iservu ta’ mera”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma nemmnux li hi wegħda qabel l-elezzjoni. Jiena naħseb li kulħadd irid li jekk nibqgħu bis-sitwazzjoni kontrollata, il-festi jsiru. Il-festi kulħadd igawdi minnhom u hawn ħafna familji li jgħixu minnhom u għalhekk perswas li kemm il-gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni jixtiequ li l-festi jsiru.” Hekk beda biex jgħid ma’ dan is-sit Joseph Camilleri; il-President tal-Għaqda Nazzjonali Piroteknika b’reazzjoni għall-aħbar li l-festi mistennija jsiru mill-1 t’April.

Camilleri kompla jgħidilna li bħala Għaqda huma ħerqanin biex jirritornaw għan-normal wara żmien ta’ pandemija li ħalla lil kulħadd jittama li xi darba jasal dan il-jum. Minkejja dan jekk is-sitwazzjoni ma tibqax taħt kontroll, is-saħħa tal-poplu kollu tiġi l-ewwel u qabel kollox u b’hekk dak li jkun għad irid jara l-anadament tas-sitwazzjoni.

Staqsejnih rigward dawk l-għaqdiet li qegħdin jilmentaw li qegħdin jiġu diskriminati b’din l-aħħar aħbar u hawnhekk qalilna li jekk stess ma jingħatawx permess għall-festa kollha, kellhom iservu ta’ prova għal festi oħra li mistennija jkunu permessi fix-xhur li ġejjin. Huwa spjega ma’ Talk.mt li la s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u qegħdin isiru attivitajiet oħra,  festi bħal San Ġużepp, San Pawl, San Pupulju u oħrajn li se jaħbtu qabel is-sajf kellhom jingħataw permess għall-purċissjoni anke biex ikollna mera għal meta niġu għar-rilaxx tal-miżuri f’April.

Il-President tal-Għaqda kellu kliem ta’ tifħir għall-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera li kien ta’ ħafna għajnuna biex il-proposti mressqin mill-Għaqda ġew milqugħin. “Kellna laqgħat kordjali pożittivi ħafna miegħu. In-nar tal-ajru ilu li ġie approvat, kien jonqosna n-nar tal-art li tlabnih ukoll u se jingħata u kien jonqosna l-purċissjonijiet li milli jidher se jsiru wkoll”, temm jgħidilna.

Ekonomija

Sport