Tuesday, May 14, 2024

Miżuri li jikkonfermaw kemm il-gvern huwa dejjem man-nies

Aqra wkoll

Kważi diġa’ għadda l-ewwel xahar mill-bidu ta’ sena ġdida. Minn jaf kemm il-riżoluzzjoni ma nżammitx, u forsi minn jaf kemm oħrajn inżammu.  Però żgur li jekk kien hemm kelma li ngħatat u nżammet kienet dik tal-gvern li se jibqa’ jkun man-nies, li se jaħdem għan-nies u li se jwieżen in-nies. Dan b’mod partikolari meta fl-aħħar ġimgħat bdew deħlin fis-seħħ il-miżuri tal-baġit li n-nies bdew igawdu minnhom fl-aħħar xhur. 

Fil-fatt, b’effett mill-bidu ta’ din is-sena, numru kbir ta’ pensjonanti, ħaddiema u studenti bdew jirċievu żidiet ekwivalenti għal total ta’ €56 miljun bejniethom. 

Dawn iż-żidiet qed jingħataw permezz ta’ tnaqqis fuq it-taxxa tad-dħul fuq is-sahra u l-part-time , bidliet fil-kriterji għal min hu eliġibbli għall-In-Work Benefit, u allura, iktar ħaddiema bi dħul baxx jew medju jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju. 

Ma’ dawn hemm ukoll iż-żidiet fil-pensjoni, b’din tal-aħħar tkun is-seba’ żieda konsekuttiva għall-anzjani. Ma jonqsux żidiet oħra fl-istipendji tal-istudenti.

U filwaqt li nħarsu ’l quddiem lejn il-futur ta’ pajjiżna, immexxi minn gvern bil-għaqal li mexxa lil Malta fi żmien diffiċli ta’ pandemija, ma nistgħux ma niftakrux minn dak li kien jgħaddina minnu gvern nazzjonalista sa għaxar snin ilu. Fi żmien li ma kienx hemm il-kriżi internazzjonali li għandna llum. 

Kull darba, s-sena kienet tibda b’xi żieda jew oħra; fit-taxxi, fi prodotti essenzjali. Kienu Budgets li dejjem qanqlu sens ta’ biża’ u inċertezza primarjament fost il-pensjonanti u l-ħaddiema. Dan apparti żidiet oħra li kienu jidħlu bil-moħbi matul is-sena. L-istess nies għadhom jiġbdu l-ispag tal-Oppożizzjoni llum.

B’kuntrast, għal  sena wara l-oħra, Gvern Laburista, ppreżenta Budget mingħajr taxxi u qiegħed kontinwament iwieżen lill-familji b’żidiet sostanzjali kull sena. Gvern Laburista qatt ma ħalla lill-pensjonanti waħedhom, qatt ma ta l-ġenb lill-ħaddiema u lill-istudenti. 

Naturalment mhux kollox perfett. Niżbaljaw jekk nibdew naħsbu hekk. Fuq l-aġenda qed titla’ wkoll il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja.  Bir-raġun. Din il-gazzetta kienet fost tal-ewwel li rapportat fuq hekk, tant li ntużat mill-Oppożizzjoni fl-argumenti politiċi tagħha. Ma ġara xejn. Għax aħna l-abjad ngħidulu abjad u l-iswed ngħidulu iswed. 

Iżda, ir-realtà hi li qatt daqs illum ma kien hemm gvern li jwieżen il-familji u li din l-isfida, jagħmel sew li ma jinjorahix. Iżda, rridu nirikonoxxu li l-gvern ħa azzjonijiet bla preċedent biex irażżan kemm jista’ l-impatt ta’ din l-isfida internazzjonali. Fost oħrajn billi żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, l-gass u l-fuel. Minkejja dan għandna familji li qed jiffaċċjaw piżijiet oħra, bħal dawk fil-prezz tal-ikel. Li ma żdidulhomx taxxi ġodda, anzi naqsu, żgur jgħin. Li l-mediċini l-anzjani saru jsibuhom żgur jgħin. Iżda, wieħed m’għandux jieqaf jaħseb kif itejjeb l-affarijiet. Ċerti li gvern b’ruħ soċjali jifhem il-ħtiġijiet tal-anzjani u l-familji. Ċerti li gvern mhux se jgħalaq għajnejh tant li diġa’ saru dikjarazzjonijiet fi żmien il-baġit dwar sistemi ġodda.  L-importanti biex naslu li jibqa’ jkun gvern dejjem man-nies.

Sport