Saturday, October 26, 2024

“Ma niddejjaqx niġi msallab jekk ikun ifisser li tajt ħajja aħjar lin-nies”

Dr Joseph Muscat jgħid li se jkun il-mewġa li tħott il-kastell tar-ramel li bnew xi wħud

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma niddejjaq xejn li niġi msallab jekk ikun ifisser li tajt ħajja aħjar lin-nies. Ma ġara xejn għax għalija dak hu l-akbar ċertifikat illi lin-nies li mingħalihom kellhom dritt divin fuq dan il-pajjiż qtajtilhom saqajhom u minflok inħallu lill-poplu jiddeċiedi minn darba oħra min qed jaħdem għall-akbar ġid tal-pajjiż.” Qal dan l-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jiġi intervistat minn Manuel Cuschieri fuq ONE Radio.

Fl-intervista, Dr Muscat qal li jixtieq li malajr kemm jista’ jkun tkun ippubblikata l-inkjesta sabiex in-nies ikunu jistgħu jaraw kif, fil-każ tiegħu, l-istorja kienet ibbażata sempliċiment fuq xi ħadd li qed jgħid li sema’ lil xi ħadd ieħor jgħid dwaru mentri lanqas daħlu fuq il-kwistjoni tax-xogħol li għamel filwaqt li jsiru ħafna assunzjonijiet.

“Waħda mill-assunzjonijiet hi li Joseph Muscat kien Dubaj għal darbtejn fuq xulxin… hija xi ħaġa inkredibbli meta taraha. Kemm il-mod ta’ kif twasslet għal din il-konklużjoni mingħajr ma ssejjaħ liin-nies. Ħadd ma sejjaħli lili,” qal l-eks PM Muscat.

Huwa nsista li l-iskop wara dan kollu kien sabiex huwa jittella’ l-Qorti u jkollu jagħmel xi sena, sentejn, tlieta biex jipprova dan kollu. “Min ħareġ b’dan kollu, he/she shot themselves in the foot. Forsi saret apposta,” kompla jgħid Dr Muscat.

“Li qiegħed jintqal m’hemm l-ebda prova waħda imma dik li persuna semgħet persuna oħra illi qiegħda tgħid. Illi dawn l-esperti jgħidu ma sibna xejn imma kienu diffiċli li ssibu allura kkonkludew mela għandu tort.”

Dr Muscat enfasizza wkoll li: “Qiegħed nara li din se tkun kastell tar-ramel. Kastell tar-ramel, tibnieh sabiħ kemm tibnieh, tista’ tagħmel l-akbar skultura tar-ramel. Mewġa’ waħda u jinħatt kollu. Jien se nkun dik il-mewġa li ħa nħottu kollu dal-kastell tar-ramel li bnew dawk l-uħud.”

“Wara li ningħata raġun legali u m’għandix dubju li se ningħata raġun legali rrid ningħata raġun politiku… li nibqa’ għaddej anke waħdi għall-battalja li rrid nagħmel biex ċertu nies li qed jippruvaw ikissru lill-pajjiż u lill-Gvern Laburista jkunu, mhux b’vendetta, imma b’ġustizzja, jerfgħu responsabiltà ta’ għemilhom.

“Ħa nkun qiegħed ngħin lil kull min nista’ ngħin… lil min jipprovaw itebbgħuh biex ikun imtebba’. Ħa nkun hemm biex ngħin lil nies oħra għax din is-sitwazzjoni illum fetħitli għajnejja għal min jaf kemm hemm każi oħra ta’ inġustizzji li qed isofru nies u li qatt ma sabu lil ħadd jiddefendihom,” tenna l-eks PM Joseph Muscat.

Sport