Monday, December 23, 2024

“Ma nifhimx kif hemm nies li jippreferu jarmu saqqu barra meta hemm is-servizzi apposta”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Permezz tal-kampanja “Insebbħu Pajjiżna”, inizjattiva li tiġbor flimkien uffiċjali pubbliċi minn diversi entitajiet biex jaħdmu kollettivament u jikkontribwixxu għat-tisbiħ ta’ pajjiżna, sa issa nġabru ‘l fuq minn 630 tunnellata ta’ skart mit-toroq, 270 tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi illegalment u xejn inqas minn 2,700 tunnellata ta’ alka mill-bajjiet.

Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista inawguraw l-uffiċini l-ġodda tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni f’Ħal Luqa. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bartolo semma kif din id-Diviżjoni, kulma jmur, qiegħda tkompli żżid fil-ħidma tagħha, fl-istess waqt li l-indafa pubblika qed tingħata l-importanza li jixirqilha.

Huwa kompla billi appella għar-responsabbiltà tan-nies u li wieħed jimxi mar-regolamenti. “Is-servizzi qegħdin hemm. Ma nistax nifhem kif ikun hemm nies li jippreferu jarmu saqqu f’xi mkien imwarrab meta hemm is-servizzi apposta. Dan kollu jwassal biex il-ħaddiema tagħna jmorru lil hinn minn triqithom biex inaddfu,” tenna l-Ministru Bartolo filwaqt li qal li se jara li jiżdied l-infurzar f’dan ir-rigward.

“Waqt li qed naraw kif inkomplu nespandu fis-servizzi u nagħtu l-importanza li tixraqilha lill-indafa pubblika, qed inkomplu ninvestu f’makkinarju u veturi ġodda biex naraw li l-ħaddiema tagħna ikollhom verament biex jaħdmu. 

“Waħda mill-makkinarji hi d-Dry Ice Machine fejn b’investiment ta’ €1,000, mingħajr ma jiġu użati kimiċi, inkunu nistgħu nneħħu ċ-chewing gum u l-graffiti,” qal il-Ministru Bartolo. “Qed inkomplu naraw ukoll kif nużaw it-teknoloġija. għaddejjin bi proġett pilota ta’ 20 bin, fejn tintbagħat notifika lid-Diviżjoni biex ibattlu kull meta jkun hemm bżonn.”

Finalment huwa semma wkoll l-investiment ta’ €350,000 li sar f’taqsima ġdida għat-tindif iffokata f’San Pawl il-Baħar, Buġibba u x-Xemxija. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista stqarr li f’dawn l-aħħar snin inħolqot aktar kuxjenza fejn tidħol l-indafa pubblika. Huwa għamel referenza wkoll għall-installazzjoni ta’ aktar CCTV cameras fil-lokalitajiet u kif waqt il-pandemija nħolqot sezzjoni tad-disinfetazzjoni biex ikun minimizzat kemm jista’ jkun it-tixrid tal-virus.

Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċini kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara.

Ekonomija

Sport