Sunday, December 22, 2024

“Ma nistax inħalli lid-direttur tal-ħabs fil-kariga wara l-allegazzjonijiet li ħarġu dwaru”

Aqra wkoll

Bernard Grech jisħaq li hemm bżonn ta’ riforma sħiħa fil-ħabs 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’kollegament telefoniku kellu reazzjoni għat-telfa ta’ ħajjet priġunier ieħor fil-ħabs ta’ Kordin fejn iddikjara li huwa ma jistax iħalli lid-direttur preżenti tal-ħabs fil-kariga tiegħu wara l-allegazzjonijiet li ħarġu dwaru. 

Filwaqt li Grech akkuża lill-Ministru responsabbli, Byorn Camilleri, li għadu qiegħed jinħeba mentri l-Prim Ministru qiegħed iħalli kollox għaddej, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn ta’ riforma importanti fil-ħabs, ħtieġa li mhux qiegħed jgħidha huwa biss, iżda jgħid li anke esperti u osservaturi politiċi jridu li din issir.

“Bħala Oppożizzjoni rridu naraw kif isiru l-affarijiet fil-ħabs għal dawk li jittamaw li joħorġu minn hemm riformati u mibdula. Dan anke għas-soċjetà biex tkun moħħha mistrieħa li jkollna persuni li joħorġu minn hemm riformati,” spjega Grech.

Huwa qal li min iwettaq reat għandu jieħu dak li ħaqqu imma l-pajjiż jista’ jkun sigur billi jkun hemm rijabilitazzjoni sħiħa u kif huwa meħtieġ ħalli dawk li tilfu t-triq jew inkella kienu vittmi taċ-ċirkostanzi, isibu l-għajnuna meħtieġa mill-esperti fil-qasam.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li, “Byorn irid jifhem li għandu responsabbiltà li jara li ebda drittijiet ta’ ħadd ma jiġu mittifsa u dan anke waqt li jkunu qegħdin jiskontaw sentenza fil-ħabs. Jien għandi responsabbiltà li nara li jkollna ħabs rijabilittattiv”.

Fl-intervent tiegħu Grech tkellem ukoll dwar l-għoli tal-ħajja fejn saħaq li din il-problema tolqot lil kulħadd, ibda mill-pensjonant li jkollu ċertu spejjeż bħalma huma l-mediċini, saż-żgħażagħ li għalkemm stinkaw biex igradwaw, ma jistgħux jidħlu fis-suq tax-xiri tal-proprjetà u dan lanqas għall-ewwel residenza tagħhom.

“Gvern immexxi minni jrid jagħti kas tassew tal-ekonomija tal-persuna individwali. Jien ninduna li l-affarijiet ġimgħa wara oħra jkunu għolew u anke ħafna nies ikellmuni dwar dan,” kompla l-Kap tal-PN.

Fost temi oħra li tkellem dwarhom Bernard Grech, huwa reġa’ talab biex il-Prim Ministru Robert Abela jwarrab kompletament lil Joseph Muscat u lill-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis. Fl-intervista ġew trattati s-suġġetti tal-proġett tal-marina f’M’Scala u tat-tibdil fil-klima. Rigward dawn il-Kap tal-PN saħaq li huwa favur proġetti basta dawn isiru b’rispett għal dawk milquta u b’rispett għall-ambjent. 

Fi tmiem l-intervista Grech ikkonferma li l-PN ħatar bord tal-inġustizzja li permezz tiegħu se jkunu investigati lmenti minn persuni li qegħdin isostnu li sofrew inġustizzja wara li twarrbu jew ma ngħatawx promozzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Ekonomija

Sport