Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-isport kollu jogħġobni imma l-waterpolo huwa sport speċjali għalija u ma nistax nimmaġina ħajti mingħajru. Minn mindu kont żgħir ħafna, ommi kienet tniżżilna ngħumu l-pitch tal-Exiles fis-sajf u kont nitpaxxa nara t-taħriġ u l-logħob. Ta’ xi tmien snin kont bdejt ninżel nitħarreġ mat-timijiet taż-żgħar, u avolja kont ħafna iżgħar mit- tfal l-oħra, irsistejt u bil-mod il-mod bdejt nilgħab ukoll. Sena wara l-oħra ħadt iktar interess fl-isport u l-klabb (partikolarment il-president Andrew Paris) ħa ħsieb li nibqa’ nitħarreġ u nieħu l-isport bis-serjetá għax minn dejjem ra potenzjal fija.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala captain ta’ Exiles SC.
Bħala captain tat-tim dejjem nipprova nimmotiva lill-plejers tagħna biex jemmnu fihom infushom u jirsistu iktar biex itejbu l-livell tagħhom kemm għalihom personali kif ukoll għat-tim. Apparti mal-plejers nitkellem ta’ spiss mal-istaff tekniku fejn nitħaddtu fuq tattika tal-logħba u anke niddiskutu diffikultajiet jew nuqqasijiet li għandna fit-tim tagħna u kif dawn nistgħu intejbuhom.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-Kampjonat tas-Sajf li ġej?
F’dawn l-aħħar 15-il sena lgħabna 12-il sena fil-Kampjonat Premier u l-mira tagħna dejjem tkun dik li nilagħbu fil-Premier. Dawn l-aħħar sentejn ma rnexxilniex nagħmlu dan, peró, xorta waħda nimmiraw li nilagħbu fil-Premier fil-Kampjonat tas-Sajf li ġej. Mhux se tkun faċli għalina peró rridu nippruvaw naslu hemm u jekk ma niksbux riżultati tajbin biżżejjed biex nilagħbu fl-ogħla diviżjoni tal-waterpolo lokali se nagħmlu ħilietna kollha biex nirbħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo lokali fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Inħoss li l-livel għola ħafna tul is-snin, u nazzarda ngħid li f’dawk it-tliet snin meta ma kellniex plejers barranin jilagħbu magħna fis-sajf għen bis-sħiħ lil ħafna plejers żgħażagħ biex jieħdu posthom fit-tim tal-kbar. Inħoss ukoll li f’dawn l-aħħar snin it-tim nazzjonali kien iffurmat minn diversi plejers żgħar u xorta ksibna riżultati diċenti fil- kompetizzjonijiet ta’ livell għoli ħafna bħal mhuma l-Kampjonati Ewropej. Apparti minn hekk hemm diversi klabbs li qed jirsistu ħafna biex ikollhom struttura iktar professjonali, b’ħafna iktar sigħat ta’ taħriġ matul il-ġimgħa, pratikament tul is-sena kollha. Hemm hafna iktar investimenti fit-timijiet (speċjalment il-klabbs il-kbar) kemm fil-plejers kif ukoll fl-istaff tekniku tagħhom u riżorsi oħra. Illum il-waterpolo f’Malta m’għadux sport tas-sajf biss kif kien snin ilu imma sar kważi iktar impenjattiv minn sports oħra.
U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ikolli ngħid li f’dawn l-aħħar ftit snin ir-riżorsi tjiebu ħafna. Ftit snin ilu l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq kienet tintuża mit-timijiet kollha għal kull kategorija (ħlief tim wieħed). Illum apparti li nfetħet il-Pixxina tal-Kottonera, hemm ukoll diversi klabbs li għandhom pixxina tagħhom jew eżempju fil-każ tal-Exiles qed jikru pixxina ta’ skola ġewwa Birkirkara u jagħmlu użu mill-pixxina barra mis-sigħat tal-iskola. Biex l-isport jimxi ‘l quddiem irridu nkomplu ntejbu r-riżorsi biex ikun hemm iktar post għat-timijiet ta’ kull etá biex jitħarrġu kif ukoll nattiraw iktar nies jidħlu f’dan l-isport kemm bħala spettaturi u iktar u iktar bħala plejers ġodda.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo? Għad narawk bħala kowċ ‘il quddiem?
Din se tkun l-20 sena konsekuttiva tiegħi nilgħab mat-tim tal-kbar tal-Exiles u l- probabbiltá hi li ma tkunx l-aħħar waħda, peró, ma nħossx li fadalli ħafna iktar snin nilgħab. La nieqaf nilgħab nixtieq nibqa’ nvolut fil-waterpolo u ma neskludix li nidħol għar-rwol ta’ kowċ. Bħalissa mhux qed naħseb daqshekk ‘il bogħod, għax irrid niffoka u nagħti l-almu tiegħi kollu lit-tim ta’ Exiles bħala plejer għall-aħħar ftit li nħoss li nista’ nikkontribwixxi b’dan il-mod!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Bħal kollox fil-ħajja, biex tirnexxi trid tkun determinat u dixxiplinat. M’hemm xejn fil-ħajja li jiġi faċli u trid dejjem taħdem biex tkun aħjar milli kont il-ġurnata ta’ qabel f’kulma tagħmel. Żminijiet diffiċli se jkun hemm imma int trid tiddetermina kif u jekk dawk il-mumenti diffiċli se jaffettwawlek il-karriera tiegħek fit-tajjeb jew fil-ħażin!