Friday, February 14, 2025

Nemmen li l-isforz u d-dedikazzjoni li nsostnu huma kruċjali – Mikela Riolo (Starlites BC)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Minħabba li l-ġenituri tiegħi huma eks plejers tal-basketball u sportivi, inħossni ffurtunata li għarfu l-importanza tal-attività fiżika minn ta’ età żgħira. Bdejt mini-basket ma’ Starlites meta kelli biss tliet snin, u fl-istess ħin kont nattendi l-ġinnastika, l-iżfin, l-għawm – u ta’ etá ftit ikbar l-għawm artistiku – flimkien ma’ attivitajiet extrakurrikulari oħrajn. Inħossni kburija li ffurmajt parti mit-tim nazzjonali kemm tal-għawm sinkronizzat u l-basketball matul is-snin, u rrapreżentajt lil Malta f’bosta kompetizzjonijiet internazzjonali. Fl-isnin li qattajt l-iskola, St. Michael’s Foundation, għaraft l-imħabba tiegħi lejn l-arti kreattiva, u avolja l-basketball jibqa’ l-prijorità tiegħi, dejjem insib ruħi nfittex opportunitajiet differenti biex nibqa’ nesplora din id-dinja artistika. L-għażla bejn l-għawm artistiku u l-basketball ta’ 16-il sena ma kinitx faċli iżda nħoss li din kienet l-aħjar triq li nagħżel ghall-karriera sportiva tiegħi. Tista’ tgħid li familti nbniet mill-imħabba lejn il-basketball u nħossni kburija li fi triqti s’issa mxejt ma’ din l-istess karriera b’mod naturali.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, Starlites Naxxar Basketball Club, matul dan l-istaġun s’issa?

Mill-bidu tal-istaġun għarafna li ma kienx ser ikun wieħed faċli, speċjalment minħabba tibdil drastiku minn seniors stabbiliti. Madankollu, inħoss li din tatna spinta – ikkreat ambjent ta’ bidla fit-tim tal-kbar tan-nisa, ħalliet spazju li mtela minn plejers iżgħar ta’ potenzjal u personalment inħoss li tatni l-motivazzjoni u l-opportunità biex niżviluppa f’aspetti differenti tal-logħba tiegħi. Qegħdin grupp sabiħ ta’ plejers – dawk li ilhom plejers tal-kbar żmien twil, dawk li ilhom jitħarrġu magħna u li bil-mod ‘il mod qed juru l-kapaċitajiet tagħhom u dawk li qed jingħataw l-ewwel esperjenzi tagħhom u jduqu l-logħba tal-kbar. Filwaqt li l-għan prinċipali hu li niġġieldu u nistinkaw biex nilħqu l-aħjar pożizzjoni possibbli dal-istaġun, inħoss li hija parti kbira mir-responsabbiltà tiegħi li nrawwem liż-żgħar u nikkrea atmosfera fejn iħossuhom komdi li jiffurmaw parti minn din il-familja.

Ninsab kburija bl-andament tagħna mill-bidu tal-istaġun s’issa – kull logħba hi storja differenti u s’issa diġa esperjenzajna ħafna sitwazzjonijiet differenti. Għadna qed nitgħallmu u nitgħaqqdu ma’ xulxin – proċess li nħoss li qatt ma jieqaf – u bħalissa qed noqorbu lejn żmien interessanti u kruċjali tal-istaġun. Bil-kompetizzjoni tan-knockout u l-playoffs li qed javviċinawna, qed inħares ‘il quddiem biex ngħatu l-almu tagħna u nilgħabu b’qalbna u għal xulxin fuq il-court.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Peter Shoults?

Mal-bidla fit-tim ġiet ukoll il-bidla fil-kowċ, u ninsab kburija li gejt mogħtija l-opportunità li nilgħab taħt id-direzzjoni ta’ coach Peter. Naħseb kulħadd jiftakru jilgħab u l-qalb u l-grinta b’li kien jilgħab kull sekonda fuq il-court – bla dubju dawn l-elementi joħorġu fl-aġir tiegħu bħala kowċ. Id-dedikazzjoni u l-passjoni tiegħu lejn il-logħba huma ċari u minkejja li din hija l-ewwel esperjenza tiegħu mat-tim tan-nisa tal-kbar – li mhi xejn faċli – inħoss li bil-mod ‘il mod qed nikbru u nitgħallmu mill-esperjenzi kemm fuq kif ukoll barra mill-court. Il-kowċ Peter Shoults qed jgħaddilna l-kwalitajiet li għamluh tant uniku fil-basketball lokali u qed nieħu pjaċir nitgħallem, nara l-logħba mill-perspettiva tiegħu u flimkien mat-tim noħolqu atmosfera ta’ enerġija u ‘hustle’ speċjalment fid-difiża, kif dejjem isemmilna u li tant hu msemmi għalih hu.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom f’Malta?

Il-padiljun ta’ Ta’ Qali għadda minn żvilupp kbir, biż-żieda tat-training courts snin ilu li kienet tarġa importanti għal-logħba lokali. Sfortunatament, meta nippruvaw nikkumparaw ma’ riżorsi barra minn Malta, nindunaw kemm id-dinja tal-isport hija waħda kompletament differenti. Għadni ma nistax nemmen li l-courts tan-Naxxar li qattajt tfuliti nitħarreġ fihom fi żmieni fil-minibasket għadhom l-istess sal-lum il-ġurnata – u minħabba f’hekk inħossni tant kburija li minkejja l-limitazzjonijiet ta’ faċilitajiet sportive tal-klabb, l-iStarlites irnexxielhom jiksbu tant suċċessi u jtellgħu tant plejers li qed naraw mal-etajiet kbar bħalissa.

Jekk inħarsu b’mod ġenerali, żdiedu xi spazji fejn wieħed jista’ jitħarreġ f’courts kemm ġewwa kif ukoll barra, pero inħoss li bħal ma dejjem ngħidu, l-isport għandu jingħata ħafna iktar importanza u opportunità sabiex ikompli jikber. Meta kont immur Ta’ Qali nara l-ġenituri tiegħi jilagħbu, niftakarni nifforma parti mill-atmosfera u n-numru kbir ta’ nies kull logħba. Nispera li xi darba għad naslu biex nattiraw u nibnu l-istess imħabba tagħna lejn dan l-isport, għalina l-plejers u l-komunità tal-basketball. Qed isir ħafna xogħol minn naħa tal-MBA u nemmen li bl-introduzzjoni ta’ inizzjattivi differenti nistgħu inkabbru l-logħba lokali.

Il-media tal-isport tagħtikom biżżejjed exposure u pubbliċità?

Nemmen li f’dan l-aspett il-kelma ‘biżżejjed’ ma teżistix. Qed nieħu pjaċir nara iktar interess, artikli u informazzjoni li tiġi mxerrda ta’ sikwit fuq siti u pages differenti, kif ukoll highlights u videos tat-timijiet differenti. Inħoss li l-midja soċjali fid-dinja tal-lum tagħmel id-differenza kollha, u fuq livelli ta’ klabbs kif ukoll nazzjoli, għandna naħdmu biex nimbuttaw l-isport ‘il quddiem flimkien. Sfortunatament il-basketball lokali mhuwiex wieħed mill-isports li jingħata l-iktar importaa u avolja ngħiduha bħala ċajta, bir-rispett xieraq lejn kulħadd u kull dixxiplina ta’ sport, fl-aħbarjiet nissemmew saħansitra wara t-tiġrijiet taż-żwiemel. L-isport u l-kompetizzjoni hija sabiħa f’kull forma u dixxiplina u bħala għalliema tal-edukażżjoni fiżika fil-futur qarib, naspira li nħalli impatt pożittiv fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin u l-attitudni tagħhom lejn il-ħajja tal-isport.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Avolja nħoss li diġa ghaddejt minn tant esperjenzi tul il-karriera tiegħi fil-basketball mill-kategorija tal-U6s s’issa, fl-istess ħin inħossni għadni żgħira fil-logħba u għad għandi tant affarjiet x’nitgħallem u nesperjenza. L-irwol bħala captain mat-tim tal-kbar huwa wieħed li nieħu b’serjetà u umiltà, u bħal ma diġa semmejt qed nagħmel l-ajħar li nista’ biex flimkien ma sħabi tat-tim noħolqu spazju fejn nistgħu nieħdu pjaċir u nimbuttaw lil xulxin ‘il quddiem. Nemmen li dan huwa s-sabiħ t’ambjent ta’ tim. Personalment, ili nikkowċja mal-iStarlites għal bosta snin issa, u nħoss ċerta ġibda lejn it-tagħlim. Bla dubju nixtieq niżviluppa f’dan il-qasam u nipprova ngħaddi dak li tgħallmimt u l-imħabba tiegħi lejn il-logħba mal-ġenerazzjonijiet iżgħar – il-futur tal-basketball Malti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.

Bħal kollox fil-ħajja, nemmen li l-isforz u d-dedikazzjoni li nsostnu huma kruċjali. It-taħriġ u x-xogħol żejjed li jsir wara l-kwinti huwa s-sigriet għas-suċċess u l-kunfidenza li kull wieħed u waħda minna naspiraw li nibnu fil-logħba. Irridu nkunu umli biżżejjed li f’kwalunlwe mument u pożizzjoni fil-karriera tagħna, naddottaw mentalità għatxana għat-tagħlim u nfittxu biex dejjem inkabbru l-għerf u l-ħiliet tagħna.

Fuq nota personali, inħoss li l-aspett mentali dejjem kien wieħed mid-djufijiet tiegħi li minkejja l-prijorità li nagħtu lejn l-aspett fiżiku, qatt ma tant fittxejt biex nesplorah. Issa li qed inħossni nikber fil-logħba u l-ħajja personali tiegħi nista’ ngħid li s-saħħa mentali hija xi ħaġa li sfortunatament ma tingħatax l-importanza meħtieġa. Huwa d-dmir tagħna bħala atleti li ngħarrfu l-importanza tas-saħħa ħolistika, infittxu l-għajnuna meħtieġa, nitkellmu fuq kif inkunu qed inħossuna u nieħdu l-passi xierqa sabiex ngħinu lilna nfusna biex tabilħaqq inkunu l-aħjar verżjoni tagħna nfusna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport