Saturday, December 21, 2024

“Ma nistgħux nibqgħu siekta… Se nikkumbattu bis-saħħa biex dak li seħħ ma jerġgħax isir”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li rrikonoxxa li dak li assistejna għalih f’dawn l-aħħar jiem qajjem sens ta’ dispjaċir u rabja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dak li seħħ żgur mhuwiex rappreżentattiv tas-soċjetà Maltija.

Huwa qal li flimkien ma’ martu Lydia attendew għall-vġili li fakkret il-memorja ta’ Paulina Dembska biex jintbagħat messaġġ b’saħħtu li dak li ġara mhux aċċettabli fis-soċjetà tagħna u li se nikkumbattu bis-saħħa biex dak li ġara ma jerġax iseħħ.

“Għamilna ħafna imma fadal xi jsir. Mhux aċċettabbli li jkollok dawn it-tip ta’ reati u li s-soċjetà tibqa’ siekta dwarhom,” qal il-Prim Ministru f’intervista fuq ONE Radio. 

Huwa sostna li: “dak li assistejna għalih fl-aħħar jiem iħassbek. Iġibek f’sintonja mar-realtà illi hemm temi li mhux kulħadd qed japprezzahom biżżejjed. Temi bħal hate speech u hate crimes. Tip ta’ reati li jkunu xprunati minn mibegħda li jkollok karatteristika partikolari, ikunx il-ġeneru, tkunx ir-razza jew twemmin ta’ dak li jkun.”

Hawn, il-Prim Ministru semma kif fil-messaġġ tiegħu tal-Ewwel tas-Sena rrimarka li mhemmx post il-mibegħda la fil-ħsieb tagħna, wisq inqas f’kitbietna u li żgur li fl-azzjonijiet tagħna mhemmx lok għal mibegħda.

Mingħajr ma’ daħal fil-każ partikolari, Dr Abela qal li mhemmx dubju li kull wiħed u waħda minna għandu fuqu element ta’ responsabbiltà meta dak li jaħseb jittrażmettih pubblikament speċjalment fuq il-mezzi soċjali.

Huwa qal li hu żgur hu li ma nistgħux naċċettaw li xi ħadd f’dan il-pajjiż ma jħossux sigur minħabba l-orjetazzjoni sesswali tiegħu, il-ġeneru tiegħu, it-twemmin, il-kulur tal-ġilda jew ir-razza.

“Jiena nemmen f’soċjetà li tħaddan il-valur tal-imħabba, il-valur tar-rispett reċiproku lejn xulxin. Nemmn f’soċjetà li tipproduċi nies u tiċċelebra nies bħal Victor Calvagna. Din kienet telfa kbira. Kellna opportunitajiet li komplejna naħdmu fuq proġetti ta’ Puttinu. Hemm tara s-sens ta’ impenn u dedikazzjoni li kellu lejn it-tfal. Issa sta għal kull wieħed u waħda minna li l-legat li ħalla Victor jibqa’ ħaj. Dan isir billi nkattru l-valur tal-imħabba,” tenna l-Prim Ministru. 

Aċċenna wkoll fuq l-importanza tar-rispett fejn qal li fix-xhur li ġejjin se jkollna elezzjoni ġenerali u għaldaqstant irridu nibqgħu nuru l-valur tar-rispett lejn xulxin, niddjalogaw l-ideat imma nagħmlu dan f’sens ta’ rispett reċiproku lejn xulxin.

Ekonomija

Sport