Sunday, October 27, 2024

“Ma nistgħux nitilqu niġru jekk għal snin sħaħ m’għamilniex pass”

Mozzjoni li titlob li persuna jkollha bżonn liċenzja biex tibdel erba’ madumiet id-dar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aħna morna nitkellmu direttament mal-individwi. Mela l-ħobża ta’ kuljum tista’ taqbad u tiddeċiedi fuqha mingħajr ma titkellem. Ngħiduha kif inhi, hemm wisq esperjenzi f’dan is-settur li ħallew inċidenti koroh, u fejn hemm bżonn li nkun iebes mhux se niddejjaq inkun iebes, u irridu nbiddlu r-rotta, imma jekk se nagħmlu affarijiet irridu nagħmluhom b’serjetà”. Iddikjara dan il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi waqt id-diskussjoni dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni li biha qed jiġi propost li jiddaħħlu numru ta’ liċenzji ġodda għal min iwettaq xogħlijiet marbuta fost l-oħrajn ma’ tibjid, tikħil, tqegħid ta’ madum u kull xorta ta’ xogħlijiet oħra ta’ finishes fil-bini. 

Il-Ministru sostna li ma nistgħux nitilqu niġru jekk għamilna snin ma nagħmlux pass u għalhekk il-liċenzjar tal-kuntratturi kien pass fundamentali li bidel il-paġna ta’ dawk li wiegħdu li se jagħmlu passi ta’ ġgant u baqgħu ma ċċaqalqux.

Il-mozzjoni titwieled minn dritt li għandu kull membru ta’ din il-kamra fejn meta jiġi intavolat avviz legali hemm proċedura li permezz tagħha jistgħu jsiru żewġ affarijiet, jew titressaq mozzjoni li permezz tagħha jintalab it-tħassir ta’ dan l-avviż jew li membru jressaq mozzjoni biex issir l-emenda ta’ dak l-avviż.

Minn naħa tiegħu l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi Din l-emenda hija possibbli għax dan il-gvern qiegħed iwettaq bidliet importanti fil-qafas legali li jirregolaw dan is-settur. Zrinzo Azzopardi qal li l-avviż legali ta’ din id-diskussjoni mressqa mid-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit tista’ titqassar fi tliet objettivi li huma aktar serjetà, aktar responsabbiltà u kwalità ogħla.
Tagħna b’mod ċar għall-ewwel darba numru ta’ entijet, kumpaniji, u pesuni li sal-31 t’Ottubru rajna li kellna 3,793 applikazzjonijiet ta’ nies li jridu jahdmu f’dan is-settur.

Il-Ministru spjega li kien hemm 1,233 applikazzjoni għal-liċenzja tat-twaqqigħ, 806 applikazzjoni għal-liċenzja tal-iskavar, 1,754 applikazzjoni għal-liċenzja tal-kostruzzjoni u kulħadd applika skont is-servizzi li kien joperaw. Huwa nnota li din kienet tfisser l-ewwel fażi ta’ din il-bidla gradwali li twassalna sa Jannar 2025 biex dan is-settur li kien nieqes mir-regolamenti tal-liiċenzjar issa dawk li m’applikawx sal-31 t Ottubru, mill-1 ta’ Novembru, dawk li m’applikawx ma jistgħux joperaw.

Ghall-ewwel darba il-BCA għandha statistika ċara ta kemm hemm operaturi f’dan is-settur u dawk li m’applikawx iridu jistennew il-provisional clearance biex jagħmlu dan ix-xogħol.

Il-Ministru qal li hija preokkupanti li l-Oppożizzjoni qiegħda tgħid mod u tagħmel mod ieħor fejn tidħol il-konsultazzjoni. Qal li huwa ċar li b’dak li qiegħed jippreżenta fil-mozzjoni mressqa minnu, il-konsultazzjoni hija nieqsa. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni ressqet lista sħiħa b’numru ta’ persuni li jaħdmu fis-settur li huma inklużi, iżda li sa qabel id-diskussjoni tal-lejla, ma kinux infurmati b’dak li kien qiegħed jiġi propost.

Il-Ministru ppreżenta email li ntbagħtet mill-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo, liema email kien infurmat biha wkoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni Stanley Zammit. Qal li fl-email Mamo qiegħda tgħid li filwaqt li kulħadd jaqbel li għandu jkun hemm riformi, dan li qiegħed jiġi propost mhuwiex jitqies bħala sensibbli u li l-affarijiet ma jsirux hekk. Hija żiedet tikkonferma li bħala membru tal-MCESD qiegħda tgħid ukoll li ma kienx hemm il-konsultazzjoni meħtieġa.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li tajjeb li dak li jkun jifhem li dan il-gvern ma jibżax mill-bidla iżda din għandha ssir b’rispett lejn il-poplu. kompla biex jgħid li hemm numru ta’ mistoqsijiet x’wieħed jistaqsi fejn fost l-oħrajn fil-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni hemm sejħa għal liċenzja fuq xogħlijiet tal-elettriku meta diġà hemm liċenzja.

Fejn tidħol il-burokrazija u l-bżonn li din tonqos skont kif mitlub mill-Oppożizzjoni, il-Ministru qal li fil-fehma tiegħu huwa kontradittorju wkoll għax din qiegħda titlob informazzjoni fuq l-applikanti li diġà teżisti.

Il-Ministru qal li l-enfasi wara kollox għandha tkun il-prevenzjoni tal-inċidenti u f’dan ir-rigward huwa nnota li fil-mozzjoni qiegħed jingħad dwar il-bżonn li għal finijiet ta’ prevenzjoni tal-inċidenti għandna liġi li jeħtieġ insaħħu li hija dik tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Huwa kkrirtika bil-qawwi l-idea żbaljata ta’ dan il-pajjiż li dak li jkun josserva dawn l-istruzzjonijiet biex jissodisfa lill-uffiċjali bla ma jżomm f’moħħu r-responsabbiltajiet li hemm biex jiġu evitati l-inċidenti.

“Dan il-gvern bil-fatti u b’mod konkret qiegħed iwettaq bidla. Se nkomplu nwettqu bidliet is-sena d-dieħla, il-liġi ġdida tal-licenjza tal-bennej, il-konkluzjoni tal-building codes”, temm jgħid Zrinzo Azzopardi.

Sport