Wednesday, December 25, 2024

“Ma rridu li ħadd iħossu mwarrab jew isib diffikultà biex jintegra” 

Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta

Aqra wkoll

“Biex ħadd ma jħossu waħdu” hi l-isem ta’ maratona li se tkun qed tittella’ llum bejn il-ħdax ta’ filgħodu u l-ħdax ta’ billejl. Hi maratona organizzata minn Caritas Malta u li se tindirizza t-tema tas-solitudni fost il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan il-ġurnal tkellem mad-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt u li tana aktar informazzjoni dwar kif xi kultant bniedem jesperjenza s-solitudni.

“L-ewwel u qabel kollox sar studju mill-Professur Andrew Azzopardi li fih hemm xi fatturi li jwasslu għas-solitudni fost il-persuni. Din tidher li tolqot l-aktar lill-anzjani u b’mod sorprendenti anke liż-żgħażagħ.”

Gatt jgħidilna li l-anzjani huma l-aktar nies li jħossu s-solitudni minħabba diversi raġunijiet. L-iktar problema komuni hi meta xi ħadd jitlef is-sieħeb jew is-sieħba tiegħu u ma jkollux tfal u għalhekk jispiċċa waħdu ħabta u sabta.

Ġieli jkun hemm ukoll diversi familji u dawn jeffettwaw min verament ikun vulnerabbli. 

Semmejna lil min ma jkollux tfal. Madankollu hemm min ikollu uliedu iżda dawn ikunu distanti minn xulxin jew minħabba li xi ħadd mar jgħix ‘il bogħod mill-familja u ftit jiltaqa’ miegħu. B’xorti ħażina ssib ukoll tfal li ma jkellmux lill-ġenituri u allura ma jmorrux iżuruhom.

Gatt ikkonferma li l-pandemija tal-COVID-19 effettwat sew lill-anzjani.

“Irrid ngħid li l-COVID-19 aktar żiedet is-solitudni fost l-anzjani. Kien hemm ħafna minnhom li ma setgħux joħorġu minn djarhom, oħrajn kellhom problema ta’ mobbilta’ u fl-istess waqt uliedhom bdew isibuha diffiċli biex imorru sa ħdejhom. Oħrajn kellhom jiddependu minn min iżurhom sabiex forsi jara l-arja ta’ barra. Dawn l-affarijiet aktar żiedu s-solitudni.”

Iżda ż-żgħażagħ kif jistgħu jesperjenzaw mumenti waħedhom?

“Fir-rigward taż-żgħażagħ, ir-realta’ hi xi ftit differenti. Hemm sfida kbira mill-midja soċjali hekk kif dawn iġibu ħafna pressjoni. Anke hawn il-COVID-19 ikkumplika ftit l-affarijiet speċjalment min isibha diffiċli jibda relazzjoni jew ikollu ċirku ta’ nies.”

Gatt ikkonferma li hawn żgħażagħ li jsibuha diffiċli jintegraw u dawn iħossuhom waħedhom għax ma jistgħux ikunu bħal ħaddieħor. Il-kunċett ta’ youth centres kif konna nafuhom dari ma tantx għadu hemm, issib ħafna għaqdiet taż-żgħażagħ iżda jekk bniedem ikun introvert se jbati ħafna s-solitudni.

Anthony Gatt tkellem dwar il-famuża ikla tal-Milied li tiġi organizzata nhar il-25 ta’ Diċembru fejn fiha jipparteċipaw nies li m’għandhomx ma’ min jiċċelebraw dawn iż-żminijiet ta’ festi tant sbieħ.

L-ewwel ikla uffiċjali saret fil-Milied tas-sena 2015 u din saret b’kollaborazzjoni mal-Kurja. Issa dan il-kunċett twessa’ anke f’parroċċi oħra fejn saħansitra qed jitwassal l-ikel fil-post ta’ persuna partikolari filwaqt li jidentifikaw nies oħrajn li għaddejjin minn mument ta’ solitudni.

“Permezz ta’ din l-ikla u dawn l-attivitajiet, aħna niksru xi ftit is-silenzju u d-dwejjaq li jista’ jġib jum il-Milied permezz ta’ żjara qasira fejn nagħtuhom l-ikel u xi ftit ħelu wkoll u b’hekk nuruhom li aħna nirrispettawhom u qegħdin hemm għalihom ukoll.”

Anthony Gatt jgħidilna li l-ikla li tiġi organizzata kull sena jattendu għaliha nies minn kull strata tas-soċjetà minn nies foqra għall-ħaddiema li jaqilgħuha u jikluha għal oħrajn li m’għandhomx problema ta’ flus iżda li jinsabu waħedhom. Hu qal li ġieli kien hemm nies li jagħtu donazzjoni sabiex jittaffew xi ftit mill-ispejjeż li jkun hemm u jara li ħaddieħor jibbenefika bħalma qed jagħmel hu. Dan hu ġest verament sabiħ għax f’Jum il-Milied dawn in-nies jiltaqgħu u jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-ħajja.

Ovvjament din l-ikla ssir permezz ta’ booking apparti li l-fundazzjoni tara eżattament x’ikun il-każ anke permezz ta’ referenza li ssir mill-parroċċi rispettivi.

Sadanittant tlabna lil Gatt sabiex itina aktar informazzjoni fuq l-ikla li se sseħħ nhar il-Milied.

“Normalment nibdew għall-ħabta tal-għaxra u nofs fejn l-ewwel mistednin jibdew jaslu u nagħtu l-awguri lil xulxin. Imbagħad għall-ħabta ta’ nofsinhar jiġi l-ikel u hemmhekk kulħadd jingħaqad flimkien u nieklu ikla tajba.”

Finalment x’se jkun qed jiġri llum?

“Illum se tittella’ din il-maratona li kif għedtlek jisimha “Biex Ħadd ma Jħossu Waħdu.” Hu tema importanti għax aħna ma rridu lil ħadd li jħossu mwarrab jew isib diffikultà biex jintegra. Id-donazzjonijiet huma importanti sabiex dawn il-proġetti li għandna f’moħħna jkomplu jseħħu verament.”

“Għal iktar informazzjoni nitlobkom tidħlu fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook Caritas Malta fejn hemm aktar dettalji f’dan ir-rigward.”

“Apparti minn hekk din il-maratona se tiġi trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin lokali fejn il-pubbliku jista’ jagħti donazzjoni ta’ €20 fuq in-numru 51002035 u €50 fuq in-numru 51902089. Nappellaw biex tkunu ġenerużi u tgħinu sabiex proġetti bħal dawn ikomplu jseħħu u nagħmlu nies li jħossuhom waħedhom ferm kuntenti u noħolqulhom dik it-tbissima fuq fommhom.”

Ekonomija

Sport