Friday, November 15, 2024

“Ma tistax tissejjaħ liġi ġdida, iżda aġġornament ta’ liġi eżistenti”

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni jsostni li l-gvern kellu jaġixxi qabel

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn naħa tiegħu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-relazzjonijiet industrijali u x-xogħol Ivan Castillo qal li  xogħol l-Oppożizzjoni huwa li tara li fejn jista’ jkun hemm bżonn titjib, tiġbed l-attenzjoni u jekk hemm bżonn tagħmel l-emendi neċessarji.

Castillo rrefera għad-diskors tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u dak tal-Prim Ministru li fl-aħħar ġimgħat qal li huwa time up għal dawk li kienu qegħdin jabbużaw u saħaq li l-gvern kellu jaġixxi qabel.

Rigward din li l-gvern qiegħed isejjaħ bħala liġi ġdida, Castillo qal li hu jaraha bħala aġġornament ta’ liġi li hija eżistenti u kompla biex jgħid li dan mhuwiex jgħidu hu iżda saħansitra d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol (DIER).

Huwa qabel mal-fatt li d-dinja tax-xogħol evolviet u jkun ħażin jekk pajjiżna ma jarax x’inhuma l-bżonnijiet biex naġġornaw. 

“Ilha hawn snin ta’ din u l-fatt li l-gvern ma kienx jaf biha hija inkwetanti mmens”, kompla Castillo filwaqt li saħaq li mill-2013 sal-lum id-dinja tax-xogħol inbidlet u s-servizzi żdiedu ħafna. Sostna li kellna l-akbar opportunità tul l-10 snin li għaddew, il-gvern jemenda l-liġi b’sentenza waħda biex jindirizza l-isfruttament ta’ ċertu ħaddiema. 

Il-kelliem Nazzjonalista saħaq dwar il-bżonn ta’ iktar involviment ta’ esponenti Nazzjonalisti waqt diskussjoni biex ikunu jistgħu jinqasmu aħjar l-ideat.

“Nistgħu ngħaddu miljun liġi imma jekk ma jsirx l-infurzar kulma jkun huwa infurzar fuq karta”, tenna Castillo filwaqt li mill-ġdid sostna li l-gvern kellu jaġixxi qabel biex jevita l-isfruttar tal-ħaddiema. Hawnhekk huwa saħaq li tajjeb li jsir investiment infrastrutturali fid-DIER, iżda jeħtieġ li nassiguraw li dan id-dipartiment ikollu r-riżorsi umani neċessarji biex l-ebda ħaddiem ma jiġi mkasbar.

Ekonomija

Sport