Tuesday, May 14, 2024

Pakkett ta’ riformi li se jbiddel id-dinja tax-xogħol 

Il-Parlament jibda jiddiskuti l-liġi l-ġdida biex ikunu regolati l-aġenziji tax-xogħol

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bil-pakkett ta’ riformi li se jwettaq il-Gvern, tliet aġenziji tax-xogħol konnessi mal-ħaddiema barranin se jingħaqdu taħt kappa waħda bil-għan li jkunu regolati. Dan għandu jwassal biex il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet u pagi aħjar f’dinja tax-xogħol lil hinn minn kif nafuha llum.

Waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fisser kif l-għan priċipali ta’ din il-liġi huwa li l-aġenziji taz-xogħol, li jimpjegaw kemm ħaddiema Maltin u barranin, ikunu regolati b’reġim legali robust. 

Dan filwaqt li jiġi assigurat li din il-prattika ssir skont il-liġijiet tax-xogħol, l-awtoritajiet ikollhom viżibilità u moniteraġġ tal-operaturi kollha fis-settur, li jiġu f’pajjiżna biss ħaddiema ta’ kwalità u fejn hemm bżonnhom u sabiex ikunu evitati abbużi fuq l-istess ħaddiema. 

Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li biex wasalna għal din ir-riforma, saru bosta diskussjonijiet fosthom mal-imsieħba soċjali u anke mal-operaturi konċernati. Qal li sal-lum ma sema’ l-ebda kritika min-naħa tagħhom, anzi kienu ħafna dawk li faħħru dan il-pass. 

Huwa kompla jispjega li l-proposta tgħid li għandhom ikunu lliċenzjati ‘l hekk imsejħa temping agencies, li jinħolqu kundizzjonijiet dinjitużi għall-impjegati tagħhom u dawn l-aġenziji jekk jitilfu l-liċenzja ma jkunux jistgħu jipparteċipaw f’kuntratti pubbliċi jew awtorizzati li jġibu ħaddiema minn barra. Il-liġi tistipula wkoll li f’ċertu każijiet il-liċenzja tintilef b’mod immedjat.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul semma wkoll li fl-aħħar ġimgħat smajna ħafna diskors, xi kultant inġust, fuq il-ħaddiema barranin. F’dan ir-rigward, huwa rrimarka li l-ħaddiema barranin għandna bżonnhom, b’mod partikolari f’ċertu setturi. 

X’se jkunu l-bidliet il-ġodda f’dawn ir-regolamenti?

Dr Ellul qal ukoll li l-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jkun hemm uniformità fil-kundizzjonijiet tal-aġenziji tal-impjieg, li jkollna proċeduri ċari, li jiġu infurzati l-kundizzjonijiet tal-liċenzja u li jiġi żgurat li individwi kwalifikati u kompetenti jkunu impenjati f’dan l-isforz.

Spjega li se jkun hemm ukoll min se jkun eżentat mil-liċenzja fosthom il-kumpaniji li jġibu nies minn barra biex jaħdmu magħhom stess. Se jkunu eżentati wkoll dawk li jagħmlu reklamar biex jattiraw ħaddiema lejn pajjiżna u l-JobsPlus.

Iċċara li dawn ir-regolamenti japplikaw għal-impjegati kollha li daħlu f’kuntratt ta’ impjieg ma’ aġenzija tax-xogħol kemm dik li hija temping u anke outsourcing. Qal li dawn l-aġenziji jħaddmu eluf ta’ Maltin ukoll. Se jkun jista’ jopera biss min ikollu liċenzja maħruġa miid-DIER.

“Sitwazzjoni li kienet kontemplata fi-liġi però li ħassejna ħtieġa li nħarrxu l-pieni, li b’xi mod bħala aġent tieħu flus direttament mill-ħaddiem li jkun ġej jew ġie f’pajjiżna, hemm mhux biss tkun qed titlef il-liċenzja tista’ titressaq fil-Qorti,” żied jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER) se jibda jilqa’ l-applikazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, filwaqt li l-liġi se tidħol fis-seħħ mill-1 t’April tal-istess sena. L-operaturi, imbagħad, se jingħataw ċans sal-1 ta’ Ġunju 2024 biex jaġġustaw l-operat tagħhom. 

Regoli oħra jinkludu: l-introduzzjoni ta’ garanzija bankarja ta’ €20,000, għal dawk li għandhom inqas minn 20 ħaddiema, filwaqt li dawk li għandhom aktar minn 20 ħaddiem iridu jagħtu garanzija ta’ €20,000 u 2% tal-paga tal-ħaddiem. Din hi maħsuba biex tiżgura l-konformità minn kwalunkwe aġenzija ta’ xogħol matul it-terminu tal-liċenzja u biex tassigura ħlas lill-ħaddiema li jispiċċaw mingħajr xogħol. Din ma tgħoddx għall-aġenziji ta’ reklutaġġ. 

L-aġenziji tax-xogħol iridu japplikaw għal-liċenzja kull sena – il-ħlas se jkun ta’ €3,000 l-ewwel darba u €1,500 ma’ kull tiġdid. Hemm obbligu wkoll li kull aġenzija jew kuntrattur ikollu persuna impjegata, meqjusa bħala competent person, li trid tkun Maltija jew Ewropea u li għandha numru ta’ snin ta’ esperjenza u/jew degree fl-HR.

Sport