Monday, October 28, 2024

L-aħħar preparamenti għal edizzjoni oħra ta’ Christmas in the Park fil-Park Nazzjonali tas-Salini

Aqra wkoll

Illuminated pathway, Santa’s Grotto, presepju ħaj, krafts tal-Milied sostenibbli, ikel u kant minn artisti rinomati se jbiddlu l-Park Nazzjonali tas-Salini f’Villaġġ tal-Milied maġiku, għat-tielet edizzjoni ta’ Christmas in the Park.

Diversi organizzazzjonijiet bħal Ambjent Malta, Project Green, WasteServ, ERA u Circular Economy se jkunu preżenti waqt din l-attività sabiex joffru esperjenza sostenibbli għall-familja kollha.

Viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jesperjenzaw ukoll realtà virtwali minn Saving Our Blue, se jkun hemm ukoll krafts sostenibbli u se jkollhom iċ-ċans jixtru prodotti artiġġjanali, flimkien ma’ prodotti tal-għasel u vegan. Waqt Christmas in the Park se jittellgħu diversi wirjiet live minn artisti lokali fosthom Sterjotipi, Claudia Faniello, Glen Vella, Lisa Gauci, Joemike u Lydon u Tiziana Calleja, flimkien ma’ korijiet tat-tfal.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħeġġet lin-nies sabiex jattendu għal Christmas in the Park. “Sabiex il-pubbliku jkun jista’ japprezza spazji miftuħa, għandna ntejbu l-aċċessibbiltà tagħhom u nqajmu aktar ħajja f’dawn l-ispazji permezz ta’ attivitajiet sostenibbli. Huwa kruċjali li niżguraw li anke matul l-istaġun tal-festi, inżommu l-impenn tagħna tas-sostenibbiltà.”

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lil kull min qed jikkontribwixxi għas-suċċess ta’ din l-attività u ħeġġet lill-pubbliku biex dan il-Milied jadotta prattiċi sostenibbli. Dan jinkludi l-użu mill-ġdid tar-wrapping paper, is-separazzjoni tal-iskart, u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, fost oħrajn.

Għall-iskeda tal-attivitajiet, żur christmasinthepark.mt. Christmas in the Park ser jittella’ mit-8 sas-17 ta’ Diċembru. Il-ħinijiet se jkunu: matul il-ġimgħa mill-16:30 sat-20:30 u matul tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi mill-10 ta’ filgħodu sat-20:30.

Sport