Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-logħba tal-futbol bdiet minn etá ferm żgħira peressli ħuti minn dejjem kienu attivi fil-logħba tal-futbol – Christ, eks plejer u eks kowċ tal- Victoria Hotspurs FC u James, eks plejer tal-Victoria Hotspurs FC. Peressli minn dejjem kont nara lil ħuti attivi fil-futbol huma nibtu fija din l-imhabba lejn il-logħba li llum nazzarda ngħid li l-futbol huwa parti importanti f’ħajti.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala team manager ta’ Victoria Hotspurs FC.
Ir-rwol tiegħi bħala team manager tal-Victoria Hotspurs FC, huwa wieħed li ilni nagħmel għal ħafna snin u ma’ Victoria Hotpsurs din hija l-iżjed pożizzjoni diffiċli għax dejjem trid toħloq tim kompetittiv peressli l-partitarji tagħna huma nies b’ mentalitá rebbieħa allura dejjem trid tipprova żżomm il-kamp ferħan u magħqud (għalkemm mhux dejjem se jirnexxielek). Dan huwa rwol li s’issa tani sodisafazzjon u huwa wieħed għal qalbi ħafna, peró, inħares ‘l quddiem biex inkompli nitgħallem iżjed fuq il-logħba li tant inħobb!
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
L-akbar tragward li kellna għal dan l-istaġun kien dak li nidħlu nikkompetu fil- kampjonati tal-MFA u dan bi pjaċir ilħaqnieh. Issa l-kumplament inkomplu naħdmu bilgħaqal u logħba logħba, nemmen li jekk inkomplu naħdmu bilghaqal u logħba logħba fl-aħħar kapaċi niġu ppremjati b’dak li verament jixirqilna. L- importanti dejjem li nibqgħu saqajna mal-art u nirrispettaw lil kull avversarju kif qegħdin nagħmlu tajjeb s’issa.
X’tikkummenta fuq il-kowċ Oliver Spiteri u l-president Anton Tabone?
Fuq il-kowċ Oliver Spiteri ma tantx hemm xi ngħid ħlief li jien kuntent li għalkemm bdejna nikkompetu minn National Amateur League 2 irnexxielna nakkwistaw wieħed mill-aqwa kowċis ta’ Malta – kowċ bravissimu u verament professjonali fuq xogħolu. Il-president Dr Anton Tabone huwa dak il-bniedem li reġa’ għaqqad l-kamp tal-Victoria Hotspurs FC, u wassalna fejn ninsabu llum. Bħala Victoria Hotspurs FC qed ngħixu dak li kienu jgħidulna huwa impossibli u noħolmu dak li qabel ma stajna noħolmuh qatt. Minn qalbi għan-nom ta’ sħabna tal-kumitat plejers, staff u partitarji ngħidlek ‘Grazzi Pres’ tax-xogħol kbir tiegħek u tal-mod li bih qed tmexxi lil dan il-klabb glorjuż tagħna b’għaqal u professjonalitá.
Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2 u dan kemm hu differenti minn dak tal-Gozo League?
Meta tqis li fin-National Amateur League 2 tista’ tutilizza biss plejer barrani wieħed u fil-Gozo League tista’ tutilizza erbgħa, diġá tinduna li suppost ikun hemm livell ta’ futbol differenti, għalkemm fir-ritorn tagħna fil-Gozo Stadium fil- logħba mill-Meridianbet FA Trophy kontra wieħed mit-timijiet li jinsabu fl-ewwel tliet postijiet tal-Gozo League, irnexxielna negħlbuhom bl-iskor kbir ta 5-1, filwaqt li aħna kellna l-użu ta’ plejer barrani wieħed u Xagħra United kellhom l-użu ta’ erba’ plejers barranin. Illum tista’ tirbaħ ma’ kulħadd u titlef ma’ kulħadd. Onestament, ma narax xi differenza ta’ barra minn hawn bejn dak tan-National Amateur League 2 u dak tal-Gozo League riċentement.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Dak ta’ fejn nitħarrġu hija x-xewqa ta’ kull klabb li xi darba jkollu l-faċilitajjiet tiegħu, għalkemm kif qegħdin noperaw illum naħseb li għaddejjin tajjeb ukoll. Dwar ta’ fejn qegħdin nilagħbu ninsabu fl-iżgħar diviżjoni tal-futbol Malti, allura ma tistax tippretendi li tmur tilgħab fl-ikbar grawnd. Dejjem u f’kollox tista’ tkun aħjar peró qatt ma tista’ tkun perfett u fil-ħajja ma tridx tkun prużuntuż, u għalhekk bħalissa għandna nkunu kuntenti b’dak li għandna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?
Il-futur tiegħi fl-amministrazzjoni tal-futbol huwa wieħed ċar mal-Victoria Hotspurs FC, u sakemm jibqa’ jkolli l-fiduċja tal-president Dr Anton Tabone u l-kumplament tal-membri tagħna, jien nibqa’ ngħin u nservi fl-amministrazzjoni ta’ dan il-klabb li ilni minn meta kont t’etá żgħira u ma bdilt qatt.
Il-kelma Victoria Hotspurs FC għalina li trabbejna fl-amministrazzjoni ta’ dan il-klabb tfisser ħafna!
Għaddi messaġġ finali lill-partitarji numerużi ta’ Victoria Hotspurs FC.
Għeżież partitarji tagħna, nibqgħu kif aħna lkoll magħqudin ma’ dan il-klabb glorjuż u tant għal qalbna flimkien mal-president maħbub tagħna, Dr Anton Tabone, intom tibqgħu dejjem l-ikbar saħħa tagħna fil-grawnd. Minn qalbi ngħidilkom grazzi tas-sapport meraviljuż tagħkom għat-tim tagħna. Nagħlaq billi nirringrazzja mmensament lil dawk qrib tiegħi tas-sapport kontinwu tagħkom u tal-paċenzja li tieħdu bija ta’ kuljum biex inkun nista’ nkompli naħdem fuq it-tim tal-Victoria Hotspurs FC, u nsellem il-memorja tal-akbar partitarja tiegħi, l-għażiża ommi fis-sema li ħallietna ftit tas-snin ilu! Aħna l-Hotspurs!