Kafeterija ġiet mitluba tagħti lil Peter Angelovski, mill-Maċedonja kumpens ta’ €3,494.14 fi żmien xahar. Dan hekk kif istema’ l-każ fit-Tribunal Industrijali, ġie kkonklud li Angelovski tkeċċa mix-xogħol b’mod li ma kien jixraq lil ħadd’.
Il-Maċedonjan fetaħ kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-kafeterija Coral Cafe, fejn sostna li tkeċċa mix-xogħol erba’ snin ilu b’mod li ma kienx xieraq. Hu spjega li fil-ħanut kellu diversi rwolijiet, kien wejter, kien jieħu ħsieb il-bar, jieħu ħsieb il-cash. Meta kien ikun hemm bżonn li l-ħanut jinfetaħ u jingħalaq għal pubbliku, hu kien spiċċa ħa dan l-irwol ukoll.
Fit-12 ta’ Ottubru tal-2019 is-sid waqqaf lil Peter mix-xogħol ta’ kuljum. Dakinhar ma attendiex minħabba raġuni personali, iżda minflok bagħat kollega. Min-naħa tiegħu sid il-ħanut qal li dan l-aħħar “beda jagħmel li jfettillu”. Hu kien qed jakkuża lil Angelovski li ma jagħtix attenzjoni biżżejjed fuq ix-xogħol għax juża’ l-mowbajl u li jmur tar. Angelovski ġie akkużat ukoll minn sid il-ħanut li l-ħanut kien qed jingħalaq kmieni iktar milli suppost.
Mis-sentenza ħareġ li dan mhuwiex xieraq li wieħed jhedded lil dak li jkun minħabba xogħol. Il-ħaddiem Maċedonjanintqal dawn il-kliem mingħand sid il-ħanut; “jew jidħol għax-xogħol jew jitkeċċa.” It-Tribunal sostniet li l-istabbiliment għandhu bżonn iktar għarfien dwar kif l-impjegati għandhom jiġu trattati.
It-Tribunal innutat ukoll li l-ħaddiem ma’ kellux kundizzjonijiet tajba fix-xogħol tiegħu, iżda dan mhux biss, għax anke l-istabbiliment ma kellux kundizzjonijiet tajba. Dan għaliex il-ħaddiema ma kellhom sistema ta’ leave, sick leave u l-ħaddiema ma kellhom l-ebda tip ta’ payslip x’juru.
Għal dan it-Tribunal, dan huwa każ ċar “ta’ sistema li qed tagħti lok għal abbuż sfrenat minn ħaddiema barranin li ma jkunux ġejjin minn pajjiż Ewropew.” Minħabba din ir-raġuni, it-Tribunal iddeċida li l-ħaddiem mhux qed jiġi apprezzat biżżejjed u għahekk il-kumpanija ġiet ordnata tagħti kumpens lil Angelovski.
L-Avukat Elaine Degiorgio dehret għal Angelovski, filwaqt li l-Avukati Clint Tabone u Paul Borg dehru għall-kumpanija.