Saturday, April 27, 2024

Madwar 118,000 persuna jintalbu jibqgħu ġewwa

Aqra wkoll

“Wieħed ma jistax jagħmel proviżjonijiet fuq in-numri ta’ ġurnata waħda biss”. Hekk beda biex jgħid il-Ministru Chris Fearne fid-dawl tal-ħames każi konfermati aktar kmieni llum.

Spjega li kien hemm żvilupp fil-każi fejn wasalna li nidħlu f’fażi fejn it-tixrid tal-epidemija jkun predominament ibbażat fuq tixrid bi trasmissjoni lokali.

Qal li l-miżuri li qed jittieħdu qegħdin jittieħdu skont l-istadji. Żied jgħid li qegħdin isegwu mill-qrib l-andament tal-epidemija f’pajjiżi oħra.

Spjega li l-pajjiż qiegħed jinvesti kważi fil-limitu ta’ dak li jista’ joffri pajjiżna fejn tidħol il-kura.

Fearne tkellem dwar il-preparamenti f’Għawdex u qal li ordna li jiżdiedu l-ammont ta’ sodod. Dawk fl-emerġenza se jkunu qed jiżdiedu minn żewġ sodod għal għoxrin sodda.

Rigward l-ittestjar Fearne qal li fil-bidu kienu qed isiru madwar 20 test, issa wasalna għal 400 test kuljum.

Fearne ħabbar żewġ miżuri biex jitnaqqas ir-riskju li jinxtered il-virus:

L-ewwel: Fejn ikun hemm ġemgħat ta’ nies b’mod mhux organizzat, dawn il-ġemgħat se jkunu qed jinfirxu f’anqas minn ħamsa. Qal li kemm jista’ jkun jitlaqqgħu mill-anqas. B’hekk il-Pulizija se tkun qed tferrex in-nies b’distanza ta’ żewġ metri bejn persuna u oħra.

It-tieni: Din il-miżura tipproteġi dawk il-partijiet tas-soċjetà li huma l-aktar vulnerabbli. Fearne ħeġġeġ lil dawn il-persuni biex ma joħorġux ħlief għal xi eċċezzjonijiet.

-Dawk kollha ‘l fuq minn 65 sena.

-Nies b’mard kroniku: Diabetiċi fuq l-insulina, dawk fuq mediċina biological, dawk li għaddew mill-kanċer u l-kimoterapija fl-aħħar sitt xhur, dawk kollha li qegħdin fuq id-dialysis, Dawk li kellhom bżonn intervent mediku minħabba problemi respiratorji fl-aħħar sena etċ. 

Din it-tieni miżura se tidħol mis-Sibt filgħodu u dan qed isir b’risq is-saħħa tagħhom. Il-familjari tagħhom huma mitlubin iċemplulhom u jgħinuhom billi jżommu kuntatt ta’ mill-anqas żewġ metri bogħod.

L-eċċezzjonijiet huma:

-Għal raġunijiet mediċi u għalhekk għad għandhom appuntament li huma validi.
-Carers li jkollhom jidħlu u joħorġu biex jieħdu ħsieb l-anzjani fi djar tal-anzjani.

Din il-miżura ta’ nies vulnerabbli se tkun qed tolqot madwar 118,000 persuna minħabba li r-riskji tagħhom huma akbar. Fearne qal li dawn il-miżuri mhumiex abbinati ma’ pieni. Intant filwaqt li appella lil dawk ikkonċernati biex jikkoperaw, Fearne żied jgħid li jekk mhux se jkun hemm koperazzjoni mhux eskluż li jiddaħħlu pieni sakemm ikun hawn kollaborazzjoni.

Dawk li jgħixu ma dawn il-persuni vulnerabbli huma wkoll mitlubin jibqgħu ġewwa jew isibu residenza alternattiva.

Bħala ventilaturi, pajjiżna għandu 100 ventilatur, u Għawdex se jkun hemm 20 oħra. Il-Ministru spjega li minkejja li bħalissa mhix xi ħaġa faċli biex takkwista dan l-apparat, hemm 100 ventilatur ieħor ordnati. Il-ħsieb hu li jkun hawn 200 sodda attrezzati b’dan l-apparat.

Intant bħala awtorità tas-saħħa Fearne temm bl-appell għall-pubbliku b’mod inġenerali biex iżomm distanza ta’ żewġ metri bejn persuna u oħra, joħroġ biss għall-bżonn u jekk hu possibbli jagħmel eżerċizzju fiżiku filwaqt li jiddistanzja ruħu.

Sport