Għaxaq Wolves huma l-leaders assoluti tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu l-isfida diretta kontra Marsa St Michael. Mill-banda l-oħra, San Ġiljan Saints kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva din id-darba kontra Ta’ Ġiorni Wanderers filwaqt mit-tielet diviżjoni filwaqt li fil-konfront bejn l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika, Swieqi United AFC u Qajjenza ACJ spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
Mill-MAFA KO, Valletta St Paul’s saru t-tmien tmien li jagħmluha għall-kwarti tal-finali wara rebħa minima fuq Balluta Barracudas.
L-Ewwel Diviżjoni
Għaxaq Wolves – Marsa St Michael’s.
Għaxaq Wolves għelbu lil Marsa St Michael’s bl-iskor konvinċenti ta’ 3-1 sabiex b’hekk issa jinsabu waħidhom fl-ewwel post tal-klassifika. Qabel din il-logħba, iż-żewġ naħat kienu bl-istess numru ta’ punti fil-quċċata.
L-Għaxqin urew l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru minn fuq fis-16-il minuta hekk kif wara cross mil-lemin, kien Lamin Ceesay li fit-tentattiv li jikklerja, xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, kien Sebastian Nayar li rċieva tajjeb u wara li daħal fil-kaxxa fajjar xutt fil-baxx li għeleb lill-goalkeeper ta’ Marsa.
Fit-tieni taqsima, Għaxaq baqgħu konsistenti u skorjaw it-tielet gowl permezz tal-aqwa skorer tagħhom Diego Fernando Pereira.
Lejn l-aħħar, Marsa naqqsu l-marġni tal-iskor hekk kif ingħataw penalty wara li Lamin Jaiteh twaqqa’ fil-kaxxa sabiex mill-11-il metru, Nikola Neskovic spara fix-xibka.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Ta’ Ġiorni Wanderers – San Ġiljan Saints 0-1
San Ġiljan Saints kisbu r-raba’ rebħa staġjonali u t-tieni waħda konsekuttiva wara li għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 1-0.
L-uniku gowl tal-logħba ġie skorjat minn Julien Muller fit-28 minuta.
Fit-tieni taqsima, Ta’ Ġiorni ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda ma kinux effettivi quddiem il-lasti avversarji sabiex issa komplew tnaqqru ċ-ċansijiet tagħhom li jsalvaw posthom mal-kbar.
Referee kien Ray Tabone.
It-Tielet Diviżjoni
Swieqi United AFC – Qajjenza ACJ 2-2
F’logħba ferm sabiħa u kumbattuta bejn l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika, Swieqi United AFC u Qajjenza ACJ spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
Kienu Qajjenza li marru minn fuq fis-17-il minuta permezz ta’ Ronnie Celeste. Fit-tieni taqsima, eżattament fil-41 minuta, Swieqi ġabu l-iskor indaqs minn Bhumin Chauhan għalkemm Celeste reġa’ skorja gowl ieħor. Finalment Amri Mohamed Taher għamel l-iskor finali ta’ 2-2.
Referee kien Lorry Sammut.
MAFA KO
Valletta St Paul’s ingħaqdu ma’ Qajjenza ACJ, Attard Edex Kings, San Ġiljan Saints, Birżebbuġa St Peter’s AFC, Marsa St Michael’s, Ta’ Ġiorni Wanderers u Għaxaq Wolves fil-kwarti tal-finali tal-MAFA KO wara li għelbu lil Balluta Barracudas 2-1.
Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, Valletta marru minn fuq fis-56 minuta permezz ta’ awtogowl ta’ Mike Micallef sabiex Marlon Reid għamilhom 2-0 fit-68 minuta.
Balluta naqqsu l-marġni tal-iskor minn Paco Vassallo.
Referee kien Jean Pierre Sammut.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 28, Marsa St Michael’s 25, Valletta St Paul’s 24, Balluta Barracudas 18, San Ġiljan Saints 14, San Ġwann Pro Evolution 9, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Valletta Stars St Dominic 21, Birzebbuġa St Peter’s AFC, Senglea Gunners 16, Attard Edex Kings 14, Żebbuġ Youngsters 13, Ħamrun Amateurs 7, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 23, Qajjenza AFC 14, St Paul’s Bay NMFC 10, Naxxar Victorians 6, Mosta Vikings 3.