Għaxaq Wolves telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu l-isfida diretta ta’ Valletta St Paul’s 2-0.
L-Għaxqin skorjaw gowl f’kull taqsima sabiex mhux biss aċċertaw ruħhom mit-tliet punti finali iżda għalqu l-ewwel round fl-ewwel post tal-klassifika.
Man-nofs siegħa logħob Għaxaq Wolves marru minn fuq meta minn azzjoni ta’ freekick, il-goalkeeper ta’ Valletta St Paul’s Matthew Camilleri fit-tentattiv li jikklerja l-ballun, xeħet fix-xibka tiegħu stess.
Fit-tieni taqsima, Għaxaq Wolves irduppjaw l-iskor hekk kif wara corner mix-xellug, kien Diego Fernando Pereira li bir-ras xeħet il-ballun fix-xibka.
B’hekk l-Għaxqin jinsabu punt vantaġġ fuq l-istess Beltin hekk kif intemm l-ewwel round.
Referee kien Paul Apap.
Ta’ Ġiorni Wanderers kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Mqabba Albions 5-0.
Liam Caruana Montalto skorja doppjetta filwaqt li Benjamin Cassar Ellis, George Andrew Marshalll u Simon Playner żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Min-naħa tagħhom, Mqabba għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tal-istaġun wara seba’ logħbiet.
Referee kien Milos Krstic.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Attard Edex Kings kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Birżebbuġa St Peter’s AFC sabiex b’hekk tawhom l-ewwel telfa tal-istaġun.
Kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Junior Ohalewe poġġa lit-tim min-nofsinhar ta’ Malta minn fuq sabiex fit-tieni taqsima, Ali Oularbi u Dusan Petrovic qalbu l-iskor favur it-tim minn Attard.
Referee kien Alex Grech.
Valletta Stars St Dominic ingħataw walk-over ta’ 2-0 kontra Ħal Far Titans.
Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, kompla l-istaġun dominanti ta’ Swieqi United AFC li għelbu 6-0 lil Mosta Vikings.
David Taiwo Akindele skorja doppjetta filwaqt li Joao Victo Aiezza Calilo, Matheus do Nascimento, Julius Ifeanyi u Murathan Yilmaz żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Referee kien Lorry Sammut.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 19, Valletta St Paul’s 18, Marsa St Michael’s 13, Balluta Barracudas 9, San Ġiljan Saints 7, San Ġwann Pro Evolution Academy 4, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Valletta Stars St Dominic 16, Senglea Gunners 13, Birżebbuġa St Peter’s AFC , Attard Edex Kings 12 , Żebbuġ Youngsters 8, Ħamrun Amateurs 4, Gudja Wanderers 3, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 18, Qajjenza AFC 7, Naxxar Victorians 5, St Paul’s Bay NMFC 4, Mosta Vikings 0.