Għaxaq Wolves jinsabu punt biss bogħod milli jirbħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 3-0. Fl-istess waqt, Valletta St Paul’s laħqu lil Marsa St Michael’s fit-tieni post wara skor konvinċenti ta’ 3-0 kontra Ta’ Ġiorni Wanderers.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Valletta Stars St Dominic ġew ippreżentati bit-tazza bħala champions minkejja d-draw ta’ 1-1 kontra Attard Edex Kings.
Fit-tielet diviżjoni, iż-żewġ logħbiet spiċċaw fi draw sabiex xejn ma nbidel fil-klassifika.
L-Ewwel Diviżjoni
San Ġwann Pro Evolution Academy – Għaxaq Wolves 0-3
Għaxaq Wolves kisbu l-11-il rebħa staġjonali wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 3-0. Kienet logħba li l-Għaxqin ikkontrollaw mill-bidu sal-aħħar u ftit kien hemm dubju fejn se jmur ir-riżultat.
Josef Felice poġġa lil Wolves minn fuq wara biss ħames minuti logħob sabiex Diego Fernando Pereira rdoppja l-iskor fit-23 minuta.
Fit-tieni taqsima, Julian Capacho għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu sabiex jinsabu punt biss bogħod milli jirbħu l-kampjonat. Mill-banda l-oħra, jekk Marsa St Michael ifallu milli jirbħu kontra Balluta Barracudas, l-Għaxqin jistgħu jiċċelebraw minn kmieni ir-rebħ tat-titlu.
Referee kien Ray Tabone.
Valletta St Paul’s – Ta’ Ġiorni Wanderers 3-0
F’partita li ma kellha l-ebda storja, Valletta St Paul’s għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 3-0. Iż-żewġ naħat kienu jafu d-destin tagħhom qabel din il-partita hekk kif Valletta huma maqtugħa barra mill-ġlieda għat-titlu filwaqt li l-Wanderers diġa’ ġew relegati.
Is-St Paul’s kellhom jistennew 20 minuta biex marru minn fuq permezz ta’ Jerome Fiteni sabiex ħames minuti wara, Matheus Verissimo għamilhom 2-0.
Fit-tieni taqsima, eżattament fit-52 minuta, Andre Farrugia issiġġilla r-rebħa għall-Beltin.
Referee kien Gjorgji Bitri
It-Tieni Diviżjoni
Valletta Stars St Dominic – Attard Edex Kings 1-1
Valletta Stars St Dominic ġew ippreżentati bit-tazza taċ-champions tat-tieni diviżjoni wara l-logħba kontra Attard Edex Kings li spiċċat fi draw ta’ 1-1.
Il-Beltin temmew l-impenji tagħhom staġjonali bi 28 punt minn 13-il logħba wara disa’ rebħiet u erba’ draws.
Minkejja kollox, il-logħba kontra Attard ma kinitx passiġġata hekk kif kien biss fl-aħħar li ġabu draw minn dan il-konfront wara penalty skorjat minn Federico Tejada Marine.
Aktar qabel, Attard marru minn fuq permezz ta’ Fajis Muhammed Paramambath.
Referee kien Peter Abela.
It-Tielet Diviżjoni
Swieqi United AFC ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Naxxar Victorians. Dawn tal-aħħar tjiebu ferm f’dawn il-ġimgħat fejn komplew iġibu aktar riżultati prestiġġjużi.
Swieqi, li huma ċ-champions ta’ din id-diviżjoni, fetħu l-iskor mill-aqwa skorer tagħhom David Akindelle fis-26 minuta qabel ma’ Naxxar ġabu l-iskor indaqs b’mod drammatiku minn Ryo Hida.
Referee kien Lorry Sammut.
St Paul’s Bay NMFC – Mosta Vikings 0-0
St Paul’s Bay NMFC u Mosta Vikings temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr gowls. Iż-żewġ naħat ippruvaw jiftħu l-iskor iżda d-difiżi rispettivi kienu reattivi sabiex l-attakkanti baqgħu mingħajr is-sodisfazzjon tal-gowl.
B’dan il-punt li ħadu, it-tim minn San Pawl il-Baħar telgħu għal 11-il punt bil-Mostin li baqgħu l-aħħar iżda issa għandhom erba’ punti.
Referee kien Jonathan Balzan.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 34, Marsa St Michael’s, Valletta St Paul’s 28, Balluta Barracudas 24, San Ġiljan Saints 15, San Ġwann Pro Evolution 12, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Valletta Stars St Dominic 28, Birzebbuġa St Peter’s AFC, Senglea Gunners 19, Attard Edex Kings 16, Żebbuġ Youngsters 13, Ħamrun Amateurs 8, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 27, Qajjenza AFC 14, Naxxar Victorians 13, St Paul’s Bay NMFC 11, Mosta Vikings 4.