Wednesday, July 24, 2024

MAFA: Gowl uniku jagħti rebħa lil-leaders Swieqi Braves

Aqra wkoll

Il-leaders tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Swieqi Braves batew aktar milli mistenni sabiex jegħlbu lil Valletta Stars St Dominic b’gowl uniku skorjat fit-tieni taqsima.

Kienet logħba fejn il-Beltin lagħbu ferm tajjeb fl-ewwel taqsima fejn ħolqu diversi ċansijiet lejn il-lasta ta’ Erick Vital.

Minkejja kollox, fit-tieni taqsima Swieqi tjiebu ferm u skorjaw il-gowl tar-rebħa. Lejn l-aħħar huma sfaw jilagħbu b’għaxra min-nies meta tkeċċa Lucas dos Santos fuq żewġ karti sofor.

Il-gowl li ddeċieda l-logħba ġie skorjat fit-52 minuta permezz ta’ Italo Santos li għeleb lil Sinclair Galea b’daqqa ta’ ras wara cross ta’ Bruno Menezes.

Referee kien Reno Galea.

Valletta St Paul’s baqgħu punt taħt l-istess Swieqi meta għelbu lir-rivali antiki Senglea Gunners 3-2.

Il-Beltin kellhom l-ewwel taqsima perfetta fejn ħolqu diversi ċansijiet lejn il-lasta filwaqt li skorjaw żewġ gowls li tawhom vantaġġ komdu.

Fit-tieni taqsima, it-tim mill-Kottonera bdew ġejjin u naqqsu l-marġni tal-iskor darbtejn għalkemm kien tard wisq biex jieħdu xi ħaġa.

Samuel Dickson u Nenad Stancic taw vantaġġ doppju għas-St Paul’s sabiex Moses Nwanko naqqas id-distakk għal Senglea. Elton da Silva reġa’ żied il-vantaġġ għall-Beltin sabiex l-Isla reġgħu skorjaw fil-ħin mogħti żejjed mir-referee permezz ta’ Peter Khiev.

Referee kien Peter Abela.

Fit-tieni diviżjoni, Ta’ Ġiorni Wanderers u Attard Edex Kings kisbu rebħiet ferm importanti li tellgħuhom viċin il-leaders Għaxaq Wolves.

Ta’ Ġiorni Wanderers għelbu lil Żebbuġ Youngsters b’gowl uniku skorjat minn Samuel Barthet fis-26 minuta.

Kienet logħba fejn wara dan il-gowl, Ta’ Ġiorni baqgħu jikkontrollaw minkejja l-isforzi qalbiena ta’ Żebbuġ Youngsters li ma rnexxielhomx jġibu l-iskor indaqs.

B’hekk Ta’ Ġiorni jinsabu ħames punti bogħod mill-Għaxqin b’Zebbuġ li baqgħu jokkupaw l-aħħar post tal-klassifika.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Attard Edex Kings iddominaw lil Gudja Wanderers tant li rebħu bl-iskor kbir ta’ 6-0.

Kienet logħba fejn Attard ikkontrollaw mill-bidu sal-aħħar b’Gudja li batew mhux ftit kontra l-qawwa tal-avversarji tagħhom.

Miguel Angel Acevedo skorja doppjetta filwaqt li Felipe Andres, Audu Clement Oshoke, Esteban Ferreira u Jesto Johnson żiedu l-iskor għal Attard Edex Kings.

Referee kien Gordon Barbara.

Fit-tielet diviżjoni, Ħamrun Amateurs jinsabu żewġ punti bogħod mil-leaders tal-klassifika Ħal Far Titans wara li rebħu 3-0 lil Naxxar Victorians.

Il-Ħamruniżi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara daqqa ta’ ras ta’ Andriy Camilleri fid-disa’ minuta.

Tliet minuti wara, l-Amateurs għamluhom 2-0 hekk kif Jacob Camilleri skorja minn penalty.

It-tielet gowl ġie skorjat mid-debuttant Joyfred Farrugia li rċieva l-ballun wara corner ta’ Jacob Camilleri.

Referee kien Gjorgji Bitri.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 17, Valletta St Paul’s 16, Balluta Barracudas 11, San Ġwann Pro Evolution Academy 10, San Ġiljan Saints 9, Senglea Gunners 7, Marsa St Michael, Valletta Stars 6.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 19, Ta’ Ġiorni Wanderers 14, Attard Edex Kings 12, Mqabba Albions 8, Gudja Wanderers 7, Birkirkara St Joseph , Żebbuġ Youngsters, Buġibba Club de SWAT 6.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħal Far Titans 16, Ħamrun Amateurs 14, Naxxar Victorians 6, Kalkara Flames, Mosta Vikings 2

Ekonomija

Sport