San Ġiljan Saints rebħu konfront dirett ieħor meta fil-grawnd ta’ Kordin C huma għelbu lil Żurrieq Sunrise bl-iskor ta’ 4-1 sabiex issa telgħu waħidhom fl-ewwel post tal-klassifika.
Min-naħa tagħhom, Senglea Gunners pront approfittaw miż-żelqa ta’ Żurrieq hekk kif f’logħba eċitanti għelbu lil Valletta St Pauls 3-2.
Valletta Stars komplew iżommu l-konsistenza tagħhom tant li rebħu t-tieni logħba konsekuttiva wara suċċess fuq Tal-Qroqq Versity Kamelasa. Fl-istess waqt Marsa St Michael kisbu t-tieni rebħa staġjonali wara li għelbu lil Qormi Hotspurs 2-0.
San Ġiljan Saints kisbu l-ħames rebħa fil-kampjonat wara li għelbu lil Żurrieq Sunrise 4-1. Sa qabel din il-partita, iż-żewġ timijiet kienu jinsabu t-tnejn li huma fl-ewwel post bl-istess numru ta’ punti.
San Ġiljan marru minn fuq fl-10 minuta permezz ta’ Conor Murphy iżda Żurrieq wettqu reazzjoni tant li fis-27 minuta ġabu l-iskor indaqs permezz tal-aqwa skorer tagħhom Rogger Patino Villada.
Fit-tieni taqsima, is-Saints ħarġu ferm aggressivi tant li f’temp ta’ għaxar minuti skorjaw tliet gowls permezz ta’ Robert Veskimae, Tobin Larkin Malachy u Conor Murphy li b’hekk għaqqad doppjetta personali.
Referee kien Georgi Bitri.
Senglea Gunners wettqu rimonta liema bħalha u eventwalment kisbu t-tliet punti finali meta għelbu lil Valletta St Pauls 3-2.
It-tim mill-kapitali marru minn fuq wara tliet minuti logħob permezz ta’ Denis di Maio għalkemm is-Sengleani wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta’ Ivan Iannarilli.
Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-1, is-St Pauls reġgħu fetħu tajjeb u reġgħu marru fil-vantaġġ grazzi għal Kane Psaila.
Minkejja dan il-gowl il-Gunners baqgħu kalmi tant li rnexxielhom jiskorjaw żewġ gowls minn Mattia Ianni u penalty Noel Tabone.
Referee kien Lorry Sammut.
Valletta Stars kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li għelbu lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa bl-iskor ta’ 5-2. Kienet wirja ferm tajba mill-Istilel Beltin li minkejja l-gowl kiesaħ u biered li qalgħu baqgħu kalmi u saħansitra skorjaw ħames gowls. Għat-tim minn Tal-Qroqq din kienet il-ħames telfa konsekuttiva.
Kien Abdi Alu Jamal li poġġa lil Kamelasa fil-vantaġġ sabiex Jon Andoni Fernandes ġab l-iskor indaqs għal Valletta. Fit-30 minuta Aron Salem reġa’ poġġa lil Kamelasa fil-vantaġġ iżda l-avversarji malajr kellhom reazzjoni tant li minuta qabel tmiem l-ewwel taqism Mohammed Abdukadir għamilhom 2-2. Dan tal-aħħar kien protagonista fit-tieni taqsima hekk kif skorja żewġ gowls oħra b’Fernandes li wkoll iniżżel ismu fil-lista tal-iskorers għar-riżultat finali ta’ 5-2.
Referee kien CJ Saliba
Marsa St Michael għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 2-0. Il-Marsin kienu motivati li jiksbu t-tliet punti għalkemm kellhom jistennew sal-aħħar tmien minuti sabiex kisbu din ir-rebħa hekk kif Anthony Portelli u Kane Tippett skorjaw dawk li kellhom ikunu l-gowls tar-rebħa.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Swieqi Braves reġgħu rritornaw għar-rebħ wara rebħa kbira ta’ 9-0 kontra Ħal Far Sparks. B’hekk it-tim magħmul minn żgħażagħ Franċiżi telgħu waħidhom fit-tieni post wara d-draw ta’ 1-1 li Floriana Fsobians kellhom kontra Ta’ Ġiorni Wanderers.
Swieqi kienu dominanti tul il-partita kollha b’Sabry Bougourzi, Timote Mazzoni u Tom Lefort jiskorjaw doppjetta filwaqt li Tom Passager, David Spincert u awtogowl ta’ Dursa Mamakadu żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Referee kien Jonathan Balzan.
Floriana Fsobians u Ta’ Ġiorni Wanderers temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ 1-1. Il-Furjaniżi lagħbu għal ħafna mill-partita b’għaxra min-nies minħabba tkeċċija u minkejja kollox irnexxielhom imorru minn fuq permezz ta’ Dylan D’Agostino għalkemm proprju minuta minn tmiem il-partita, Ta’ Ġiorni Wanderers ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Alexis Manthos.
Referee kien Joe Camilleri.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
San Ġiljan Saints 16, Senglea Gunners 15, Żurrieq Sunrise 13, Valletta St Pauls 10, Marsa St Michael 7, Valletta Stars 6, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 3, Qormi Hotspurs 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Żabbar Southsiders 15, Swieqi Braves 12, Floriana Fsobians 10, Ta’ Ġiorni Wanderers 7, Birkirkara St Joseph 3, Ħal Far Sparks, Gudja Wanderers 1.