Wednesday, April 24, 2024

MAFA: Ta’ Ġiorni Wanderers jitilgħu fit-tieni post tal-klassifika 

Aqra wkoll

Ta’ Ġiorni Wanderers telgħu fit-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA meta f’konfront ferm interessanti għelbu lil Żabbar Southsiders 2-0. 

B’din ir-rebħa, it-tim minn Ta’ Ġiorni qabeż lill-istess Żabbar fil-klassifika u laħaq lil Birkirkara St Joseph u Balluta Barracudas b’seba’ punti.  

Il-Wanderers marru minn fuq wara 19-il minuta logħob permezz ta’ Edward Micallef Staface bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-0 favurihom. 

Fit-tieni taqsima, Żabbar ħarġu aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs iżda reġgħu kienu Ta’ Ġiorni li rduppjaw l-iskor permezz ta’ Andrew Marshall sabiex aċċerta mit-tliet punti finali.  

Referee kien Jonathan Balzan. 

Balluta Barracudas ġew miżmuma fi dro ta’ 0-0 minn Naxxar Victorians f’logħba oħra li ntlagħbet fil-grawnd ta’ Kordin C.  

Il-Cudas attakkaw sa mill-bidu tal-partita iżda bejn in-nuqqas ta’ preċiżjoni u bejn il-bravuri tal-gowlkiper Naxxari, ma setgħux jiskorjaw il-gowl tar-rebħa. 

Min-naħa tagħhom, Naxxar kienu kumpatti fid-difiża u bdew itellgħu xi kontrattakki.  

B’dan id-dro, Balluta Barracudas telgħu fit-tieni post tal-klassifika filwaqt li Naxxar kisbu r-raba’ punt tagħhom matul dan l-istaġun.  

Referee kien Georgi Bitri 

Sadanittant il-logħob li kellu jintlagħab fil-grawnd ta’ Marsaxlokk ġie mħassar minħabba l-maltemp u l-kundizzjoni tal-grawnd. 

F’dan il-grawnd kellu jkun hemm tliet logħbiet fejn mit-tieni diviżjoni Valletta Stars kellhom jilagħbu kontra Birkirkara St Joseph u Swieqi Braves kellhom jaffrontaw lil Gudja Wanderers. Anke l-logħba mit-tielet diviżjoni bejn Ħamrun Amateurs u Gżira United Sports Club ġiet imħassra. 

KLASSIFIKA  – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI 

Swieqi Braves 12, Ta’ Ġiorni Wanderers, Birkirkara St Joseph, Balluta Barracudas 7, Valletta Stars, Żabbar Southsiders 6, Naxxar Victorians 4, Gudja Wanderers 0 

Sport