Żebbuġ Youngsters kisbu tliet punti ferm importanti fl-isfida tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 3-2. Anke l-isfidanti l-oħra għall-promozzjoni San Ġwann Pro Evolution Academy żammew ir-rekord perfett tagħhom wara rebħa ta’ 3-0 kontra Fgura Spartans.
Mill-banda l-oħra, Mqabba Albions telgħu fit-tielet post tal-klassifika wara skor ta’ 2-0 kontra Mosta Vikings filwaqt li Naxxar Victorians kisbu l-ewwel punti tagħhom staġjonali b’rebħa minima iżda prezzjuża kontra Żejtun Laċċi.
F’konfront ferm interessanti, Żebbuġ Youngsters batew aktar milli mistenni sabiex jegħlbu l-isfida denja ta’ Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 3-2.
B’din ir-rebħa, iż-Żebbuġin baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ San Ġwann Pro Evolution Academy. Huma bdew bl-aħjar mod possibbli din il-partita hekk kif wara disa’ minuti marru minn fuq permezz ta’ Leo Suc li għeleb lill-goalkeeper avversarju b’xutt mill-viċin.
Fis-26 minuta, id-difensur ta’ Balluta Daniel Zammit Lupi kien żvinturat meta fit-tentattiv li jtajjar il-ballun, bir-ras spiċċa tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Fit-tieni taqsima, Żebbuġ għamluhom tlieta permezz ta’ Federico di Stefano u kien hawn li seħħet ir-reazzjoni ta’ Balluta li skorja żewġ gowls lejn l-aħħar l-ewwel minn Diego Mora u aktar tard minn Daniel Zammit Lupi. Madankollu din l-istess reazzjoni waslet tard sabiex il-Cudas kellhom isofru t-tieni telfa staġjonali.
Referee kien Georgi Bitri.
San Ġwann Pro Evolution Academy kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Fgura Spartans 3-0.
Iż-żgħażagħ Franċiżi kienu ferm motivati li jibqgħu għaddejjin b’wirjiet pożittivi u sat-22 minuta kienu diġa’ 3-0 minn fuq grazzi għall-gowls ta Sefa Onmaz, Toufik Belaissaoui u Liam Grandehomme.
Fit-tieni taqsima, Fgura Spartans ippruvaw jidħlu fil-partita iżda San Ġwann ikkontrollaw sew is-sitwazzjoni sabiex ħarġu bit-tliet punti minn dan il-konfront.
Referee: Joe Camilleri.
Mqabba Albions telgħu fit-tielet post tal-klassifika wara rebħa tajba ta’ 2-0 fuq Mosta Vikings. Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, Mqabba ħarġu ferm aggressivi tant li marru minn fuq permezz ta’ Jayden Pace sabiex eżatt qabel is-suffara tar-referee, Gildave Brignone issiġġilla r-rebħa finali.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
Naxxar Victorians kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat wara li għelbu lil Żejtun Laċċi 1-0. Kienet partita li n-Naxxarin riedu jirbħu akkost ta’ kollox wara li aktar qabel kienu sofrew tliet telfiet konsekuttivi. B’din ir-rebħa huma nqalgħu wkoll mill-aħħar post tal-klassifika.
Il-gowl importanti għalihom ġie skorjat minn Fabrizio Farrugia fl-40 minuta.
Referee kien Reno Galea.
Sadanittant mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Żabbar Southsiders reġgħu telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika wara li għelbu lil Ħal Far Sparks 2-0.
It-tim immexxi minn Matthew Pace fetħu bl-aħjar mod possibbli din il-partita hekk kif wara erba’ minuti logħob kien l-iskorer prolifiku tagħhom Gabriel Calleja li poġġihom fil-vantaġġ.
Iż-Żabbarin irdoppjaw l-iskor fl-40 minuta permezz ta’ Gilbert Testaferrata de Noto.
Referee kien Lorry Sammut.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI:
Żebbuġ Youngsters, San Ġwann Pro Evolution Academy 12, Mqabba Albions 7, Balluta Barracudas 6, Naxxar Victorians 3, Mosta Vikings, Fgura Spartans 2, Żejtun Laċċi 1
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Żabbar Southsiders 12, Swieqi Braves 9, Floriana Fsobians 6, Birkirkara St Joseph, Ta’ Ġiorni Wanderers 3, Ħal Far Sparks 1 Gudja Wanderers 0