Wednesday, March 27, 2024

Ftehim għal donazzjoni ta’ aktar minn 3,000 siġra biex jitħawlu fil-Park tal-Majjistral

Aqra wkoll

Aktar minn 3,000 siġra, b’investiment ta’ €50,000, se jkunu qed jitħawlu fil-Park tal-Majjistral wara ftehim milħuq bejn il-Fondazzjoni Ġermaniża Kummer-Vanotti u l-Heritage Parks Federation (HPF).

Il-ftehim kien iffaċilitat bil-ħidma ta’ Parks Malta u l-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, wara li l-Fondazzjoni esprimiet ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fil-proġetti ta’ afforestazzjoni li qed jieħu ħsieb Parks Malta.

Il-ftehim se jwassal biex dan il-proġett ta’ tħawwil ta’ siġar fil-Park tal-Majjistral jitwettaq fuq medda ta’ erba’ snin filmkien mal-HPF, li tieħu ħsieb dan il-Park fit-tramuntana ta’ pajjiżna. Permezz ta’ din l-inizjattiva, se jkunu qed jitħawlu total ta’ 3,333 siġra u arbuxell f’żoni differenti bħan-Naħħalija, ix-Xagħra l-Ħamra u l-Prajjet. Dawn iż-żoni għaddejjin minn xogħolijiet ta’ riġenerazzjoni tal-abitat.

“L-impenn tagħna huwa li jkollna aktar spazji miftuħa u li nżidu s-siġar f’dawn l-ispazji. Qed nagħmlu dan bħala gvern u qed naraw li nidħlu fi sħubija ma’ għaqdiet, organizazzjonijiet u fondazzjonijiet li lesti li jikkontribwixxu wkoll bħala parti mill-ħidma favur l-ambjent”, qalet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Christoph Dänzer-Vanotti, ko-fundatur tal-Fondazzjoni Kummer-Vanotti, spjega li dan il-proġett ta’ tħawwil ta’ aktar siġar se jgħin biex jintaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Darren Saliba, Manager tal-Park tal-Majjistral, faħħar dan il-proġett bħala wieħed li se jkompli jgħin biex jissebbaħ il-park.

Il-Park tal-Majjistral twaqqaf fl-2008 u hu mmaniġġjat minn federazzjoni ta’ għaqdiet mhux governattivi, li flimkien jagħmlu l-HPF. L-HPF għaddejja b’eżerċizzji ta’ riġenerazzjoni tal-abitat bl-għan li żoni li ntelqu tul is-snin jerġgħu jieħdu l-ħajja.

L-HPF sa issa ħawlet aktar minn 9,000 siġra f’żoni differenti tal-Park u tneħħew aktar minn 4,500 tunnellata ta’ materjal mormi illegalment.

Ekonomija

Sport