Żurrieq Sunrise ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Valletta Stars sabiex naqsu milli jitilgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA.
Hekk kif intlagħbet parti mis-seba’ ġurnata tal-istaġun, il-programm tas-Sibt waranofsinhar kien effettwat bil-kbir minħabba l-maltemp u r-riħ li kien il-kaġun li l-logħob fil-grawnd ta’ Marsaxlokk ma jintlagħabx anke sabiex titħares is-saħħa u s-sigurta’ tal-plejers involuti.
B’hekk il-konfront ferm mistenni bejn Senglea Gunners u San Ġiljan Saints u dak bejn Valletta St Pauls u Marsa St Michael kif ukoll il-logħba mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni bejn Swieqi Braves u Żabbar Southsiders ġew posposti għal data li għad trid titħabbar.
Minkejja kollox, il-partiti li kienu skedati fil-grawnd ta’ Kordin C saru kif ippjanat.
Fost partiti oħra li kellna, Tal-Qroqq Versity Kamelasa sa fl-aħħar reġgħu rritornaw għar-rebħ wara riżultat pożittiv fuq Qormi Hotspurs.
F’partita pjaċevoli, Żurrieq Sunrise u Valletta Stars temmew il-konfront tagħhom fi draw eċitanti ta’ 2-2. Kienet logħba ta’ botta u risposta biż-żewġ timijiet li ma ċedewx pulzier bid-differenza fil-klassifika li ftit dehret waqt dan il-konfront.
Iż-Żrieraq fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara 22 minuta logħob meta kien l-aqwa skorer tagħhom Rogger Patino Villada li sab ix-xibka mill-viċin.
L-Istilel Beltin pront irritaljaw u minuta wara ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Dusan Petrovic li għeleb lill-gowlkiper avversarju b’xutt tajjeb.
Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-1, is-Sunrise reġgħu bdew bil-kbir it-tieni 35 minuta u reġgħu kienu huma li marru minn fuq permezz ta’ Antoine Barbara.
Valletta Stars reġgħu bdew jagħfsu fit-tentattiv li jieħdu almenu punt minn din il-partita u rnexxielhom jagħmlu dan fit-53 minuta permezz ta’ Jon Fernandez.
Żurrieq komplew jattakkaw fit-tentattiv li jiksbu t-tliet punti iżda d-difiża avversarja żammet sod sabiex kisbu t-tielet riżultat utli b’mod konsekuttiv.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
Tal-Qroqq Versity Kamelasa reġgħu rritornaw għar-rebħ hekk kif b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Qormi Hotspurs 2-0. Minkejja t-telfa, il-Qriema taw qalbhom f’din il-partita għalkemm kellhom joħorġu b’idejhom vojta fejn s’issa xejn m’hu jiġihom tajjeb matul dan l-istaġun.
Għat-tim minn Tal-Qroqq din it-tieni rebħa staġjonali waslet b’żewġ gowls skorjati minn Jens Schmieg fit-32 minuta u Mads Friis minuta qabel tmiem il-konfront.
Referee kien CJ Saliba.
Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Floriana Fsobians telgħu fit-tieni post tal-klassifika għalkemm b’logħba aktar mill-avversarji tagħhom hekk kif għelbu lil Birkirkara St Joseph 4-1.
Kienet logħba li ntlagħbet f’xita kontinwa biż-żewġ naħat li taw qalbhom tul is-70 minuta.
Il-Furjaniżi stabilixxew vantaġġ ta’ tliet gowls sa tmiem l-ewwel taqsima hekk kif Trevor Cilia skorja doppjetta b’Darren Galea jżid ieħor għat-tim tiegħu.
Fit-tieni taqsima, il-Karkariżi naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Vladimir Pajic sabiex il-Fsobians issiġġillaw ir-rebħa grazzi għall-aqwa skorer tal-kampjonat Justin Felice.
Referee kien Jason Penza
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
San Ġiljan Saints 15, Senglea Gunners 15, Żurrieq Sunrise 14, Valletta St Pauls 10, Marsa St Michael, Valletta Stars 7, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 6, Qormi Hotspurs 0
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Żabbar Southsiders 15, Floriana Fsobians 13, Swieqi Braves 12, Ta’ Ġiorni Wanderers 7, Birkirkara St Joseph 3, Gudja Wanderers 2, Ħal Far Sparks 1.