Thursday, April 25, 2024

Maħtura l-membri tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis

Aqra wkoll

Wara li f’nofs Diċembru li għadda twaqqfet b’liġi l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, illum il-Gvern ħabbar il-ħatra tal-persuni li se jkunu qed jiffurmaw il-bord ta’ din l-Awtorità li se tkun immexxija mis-Sinjura Mariella Dimech bħala l-ewwel chairperson eżekuttiv.

Dawn il-ħatriet saru mill-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Dr Owen Bonniċi għal perijodu ta’ tliet snin u se jinkludi wkoll bħala membri tal-Bord tal-Awtorita lil Dr Janice Formosa Pace, Nadine Brincat, Sina Bugeja, Dr Marius Caruana, Dr Charles Cassar, Dr Gabriel Farrugia, Dr Paul Micallef u Charles Scerri.

Is-Sinjura Mariella Dimech hija psikoterapista li ħadmet għal 21 sena sħaħ mal-Caritas f’diversi aspetti fejn għal għaxar snin minnhom ikkoordinat il-programmi u s-servizzi kollha ‘Tama Ġdida’ bil-għan li jingħata sostenn lil persuni vittmi tad-droga u lil familjari tagħhom.

Hija ilha wkoll għal dawn l-aħħar tnax-il sena tmexxi l-klinika privata tagħha u wettqet diversi studji dwar l-użu ħażin tas-sustanzi u l-isfidi marbuta ma’ dan l-użu ħażin.

L-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis għandha diversi funzjonijiet importanti, fosthom li taġixxi ta’ regolatur għal kull assoċjazzjoni non-profit li l-attivitajiet tagħha jkunu jinvolvu l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għat-tqassim fost il-membri tagħha, li jridu jkunu adulti.  

L-awtorità għandha wkoll l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis imsejsa fuq fatti xjentifiċi filwaqt li tingħata informazzjoni ċara u imparzjali dwar ir-riskji u l-elementi l-oħra tal-użu tal-kannabis b’referenza għall-età u b’kontenut xieraq.

Sport