Thursday, April 18, 2024

KOMPJAĊENZA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Forsi l-akbar problema li għandna fit-tmexxija tal-istituzzjonjiet tagħna hi l-kompjaċenza – il-fehma li aħna nafu x’qed nagħmlu. Wiritna ħafna tajjeb, tejjibnieh u ħadd ma jista’ jippretendi li għandu wisq fhiex jew bhiex jgħallimna.

Iċ-ċokon tas-soċjetà tagħna jaħti in parti għal dan. Klikek żgħar ta’ nies, ħafna drabi jiġu minn xulxin jew jafu lil xulxin tajjeb, anke minn missier għall-iben, kienu jmexxu l-professjonijiet u l-amministrazzjonijiet tagħna. Dak li rnexxielhom iwettqu tajjeb jew ħażin – fil-qrati, fil-knisja, fil-partiti politiċi, fil-kumpaniji privati – tqies bħala kisba li jixirqilha rispett, bla wisq attenzjoni għal kif trid tiġġedded.

Anke meta fil-karigi laħqu nies ġodda, sabuha ħaġa utli li jaddottaw il-proċeduri ta’ min kien qabilhom fil-qafas ta’ tmexxija. Ma kellhom l-ebda inċentiv jibdluh.

Forsi llum l-affarijiet bdew jinbidlu. Il-ġenerazzjonijiet “il-ġodda” huma aktar kritiċi. Imma anke fost uħud minnhom, wieħed jinnota li malli jkunu b’xi mod ko-optjati fl-istrutturi eżistenti, malajr tidħol klima ta’ qbil ma’ li jkun għaddej.

Il-kompjaċenza hi fost il-kwalitajiet li l-aktar jifirxu malajr l-għerq.

***

SUSSIDJI TAL-ISTAT

Bħalissa miexi ’l-quddiem abbozz għal liġi Ewropea li tfittex li tistħarreġ is-sussidji statali li jingħataw f’pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea meta dawn ikunu qed jinċidu fuq investmenti jew negozji li se jsiru fl-Unjoni.

Il-ħsieb hu li f’linja mal-protezzjoni li l-Unjoni tagħti fi ħdan is-suq wieħed Ewropew kontra sussidji tal-istat minn stati membri li jimminaw il-ħidma tas-suq wieħed, l-istess protezzjoni tibda tingħata kontra sussidji tal-istat li jingħataw minn barra. Hemm ħafna xi tgħid favur u kontra din l-inizjattiva. Kemm mix-xellug politiku u kemm mil-lemin, hemm xi forma ta’ għarfien li l-inizjattiva tagħmel sens fiċ-ċirkostanzi tal-lum.

Personalment, m’inix daqstant konvint.

***

IS-SIGURTÀ EWROPEA

Is-sigurtà Ewropea qed issir suġġett li jiġbed urajh interess jiżdied. Mhux l-anqas għax Franza, li bħalissa għandha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea qed timbuttah. Imma żdiedet l-attenzjoni fuqu minn żmien Trump (u anke Obama wara kollox), meta l-Istati Uniti bdew juru dejjem aktar ir-rieda li jiddistingwu l-interessi ta’ sigurtà tagħhom b’mod li l-Ewropa ma baqgħetx parti integrali minnhom.

Il-problema se tkun li l-perspettivi dwar sigurtà għadhom spezzettati – bejn il-“lvant” u l-“punent”, lejn ir-Russja, fir-rigward tal-Afrika u l-Lvant Nofshani, dwar l-armi nukleari, fir-rigward tal-kompetizzjoni dejjem tikber bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

Għalkemm fil-pożizzjoni Franċiża nsibu ħafna oqsma li huma validi u tal-akbar interess, din ma tistax tiddetermina “waħidha” kif is-sigurtà Ewropea għandha titfassal. Hemm wisq aspetti fiha li huma purament nazzjonali għal Franza u ma jgħoddux għal pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport