Thursday, March 28, 2024

Jeffrey Epstein u l-Familja Rjali Ingliża

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

L-istorja ta’ Jeffrey Epstein issa ilha s-snin tingħata prominenza mill-media internazzjonali. Il-mod ta’ kif dan il-biljunarju Amerikan, li wieħed jista’ jgħid li beda mix-xejn, kien jabbuża minn litteralment mijiet ta’ tfajliet taħt l-età, ħalla lil ħafna mingħajr kliem. 

Din l-istorja kompliet tingħata prominenza meta dan l-aħħar intwera dokumentarju kontroversjali dwarha fuq Netflix. F’dan id-dokumentarju ġew intervistati wħud minn dawk it-tfajliet li allegatament ġew stuprati minn Epstein u minn Ghislaine Maxwell, il-partner ta’ Epstein, f’xi waħda mid-diversi proprjetajiet enormi li kellu Epstein madwar id-dinja kollha fosthom ġewwa l-Gżejjer Canaries, ġewwa New York u anke f’Pariġi. 

Fid-29 ta’ Diċembru li għadda, l-istess Ghislaine Maxwell għadha kemm instabet ħatja ta’ traffikar ta’ minuri għal skopijiet ta’ prostituzzjoni. Punt importanti li ħareġ minn dawn l-intervisti mal-vittmi ta’ Epstein u Maxwell, li ta’ min jgħid hija t-tifla tan-negozjant kontrovesjali Ingliż Robert Maxwell, li kien ġie akkużat bi frodi ta’ miljuni kbar ta’ dollari qabel ma nstab mejjet f’ċirkostanzi misterjużi qrib il-jott tiegħu li kien msemmi għal bintu ż-żgħira Ghislaine, huwa li dawn it-tnejn kienu jħossuhom li huma ‘l fuq mil-liġi.

Dawn it-tfajliet tista’ tgħid kollha ddikjaraw li dan is-sens ta’ invinċibilità li kellhom Epstein u Maxwell kien ġej minn netwerk ta’ kameras tas-sigurtà li kienu tista’ tgħid installati f’kull rokna ta’ kull proprjetà li kellu Epstein, anke saħansitra ġewwa kmamar tas-sodda u tal-banju. L-iskop tagħhom kien sabiex Epstein ikun jista’ jirrikatta lil ħafna personalitajiet li kienu jżuruh ġewwa dawn il-proprjetajiet lussużi wara li jkun ipprovdilhom xi tfajla sabiħa taħt l-età sabiex ikollhom x’jaqsmu magħhom bl-att sesswali jkun iffilmjat minn Epstein. B’hekk, kull darba li kien jigi dahru mal-ħajt, huwa jingħad li kien juża dawn il-filmati sabiex dawn in-nies importanti b’xi mod jużaw l-influwenza tagħhom u jaqalawh mill-għawġ.

Dawn it-tfajliet fid-depożizzjonijet tagħhom fil-qrati semmew għadd ta’ personalijiet li skont huma ġew imġiegħla jkollhom x’jaqsmu magħhom minn Epstein u Maxwell. Fost dawn hemm il-Prinċep Andrew tal-Ingilterra li bħalissa għaddej minn baraxx ta’ nkwiet minħabba l-ħbiberija li kellu ma’ Epstein u Maxwell u fuq kollox minħabba l-akkużi li qiegħda tagħmillu Virginia Roberts Giuffre, waħda minn dawn it-tfajliet abbużati minn Epstein. Skont din il-mara, meta hija kellha 17-il sena, kienet imġiegħla jkollha x’taqsam sesswalment mal-prinċep kontra l-volontà tagħha. Ritratt tal-prinċep iżomm lil din it-tfajla minn qaddha bħalissa qiegħed ikun iċċirkolat fuq prattikament kull tip ta’ media.

Ħsara rreparabbli għall-monarkija?

Il-monarkija Ingliża għadha waħda b’saħħitha ħafna tant li skont stħarriġ li sar dan l-aħħar, 61% tal-Ingliżi jippreferuha minn sistema politika repubblikana. Barra minn hekk, stħarriġ ieħor li sar eżatt wara li ħarġet din l-istorja juri li ftit li xejn affettwat il-popolarità li tgawdi r-Regina Elizabetta fost iċ-ċittadini Brittaniċi.

Ħafna ġurnalisti qegħdin ifakkru li minkejja l-iskandli li kienet għaddiet minnhom il-familja rjali fis-snin disgħin fejn konna assistejna għal ħafna divorzji jaħarqu ta’ whud mill-ulied tar-reġina fosthom naturalment dak tal-Prinċep Charles u anke tal-istess Prinċep Andrew, il-familja rjali kien irnexxielha tissupera dak iż-żmien ikrah u tibqa’ b’saħħitha. Issemmiet ukoll il-mewt tal-Prinċipessa Diana, l-eks mara tal-Prinċep Charles, mewt li kienet qajmet ħafna suspetti fuq il-familja rjali. 

L-iskandi tad-divorzji li semmejna kellhom addirittura effett pożittiv fuq il-percessjoni tal-poplu Ingliż fuq il-familja rjali. Dan għaliex fil-problemi matrimonjali tal-prinċpijiet, il-poplu ra l-aspett uman ta’ din il-familja u allura n-nies komuni ħassewhom qrib tagħha. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-iskandlu tal-Prinċep Andrew u Epstein. Ma tantx hemm fejn il-poplu jista’ jassoċja ruħu ma’ Princep li allegatament ħa vantaġġ minn tfajla taħt l-età li dejjem skont l-istess tfajla kienet qiegħda tiġi rrikattata minn Maxwell sabiex taqdi l-bżonnijiet sesswali tal-ħbieb ta’ Epstein.

Ftit jeżistu dubji li l-kariżma tar-Reġina Elizabetta hija strumentali għall-popolarità attwali tal-monarkija. Però ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li l-monarkijja Ingliża ma tistax tibqa’ tibbaża l-eżistenza tagħha fuq il-figura ta’ mara li hija tgħodd 97 sena. Żgur li jeżistu dubji kbar kemm il-Prinċep Charles sejjer ikun kapaċi jżomm il-monarkija kif inhi llum meta jiġi nkurunat re. Ghalhekk dak li allegatament għamel il-Princep Andrew jaf ikollu effetti ħafna aktar negattiv fuq il-familja rjali kemm-il darba tiġi nieqsa r-Regina Eliżabetta.

Fattur ieħor inkwetanti ghall-familja rjali rigward dan il-kaz huwa li l-poplu Ingliż m’għadux jara lill-familja rjali bħala familja magħżula minn Alla kif kien jqisuha l-maġġoranza tal-Ingliżi sal-bidu tas-snin sittin. Issa l-poplu qiegħed jiggudika lir-Reġina u lill-uliedha skond l-imgieba tagħhom. Ir-Reġina baqghet maħbuba għaliex fiha l-poplu dejjem ra mara eżemplari li minkejja tad-daqqiet li qalgħet minħabba l-imġiba mhux dejjem etika ta’ wliedha u anke jingħad ta’ żewġha, hija dejjem baqgħet tgħix ħajja retta. Bi prinċep bhal Andrew li xeba’ jaqa’ għaċ-ċajt fid-diversi intervisti li għamel fuq dan il-każ żgur li sejjer joħloq ħafna intoppi għall-familtu.

Il-triq ‘il quddiem għall-familja rjali

Bħalissa l-Prinċep Andrew inqata’ għalkollox mill-impenji uffiċjali tiegħu. Però, hemm min qiegħed jitlob li addiritura jitneħħa mill-linja ta’ suċċessjoni minkejja li ftit hemm ċans li qatt isir re minħabba li qablu hemm tmienja oħra li naturalment huma ħuh il-kbir Charles, uliedu u ulied uliedu. Però, deċiżjoni bħal din taf toħloq preċedent perikoluż għall-familja rjali meta kif diġà għedna dalwaqt ġej test importanti għall-Windsors meta tkun tilfet lill-figura l-aktar importanti tagħha. 

Sadanittant, il-moviment Ingliż li jikkampanja kontra l-monarkija magħruf bħala r-Republican Movement diġà qiegħed jirkeb ħafna fuq din l-istorja moqżieza li semmejna u qiegħed jippjana li jibda l-attakk tiegħu f’Ġunju li ġej meta sejrin isiru ċelebrazzjonijiet kbar fl-okkażjoni tas-sebgħin sena mill-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta. Barra minn hekk xi tabloids diġà bdew jqajmu dubji jekk il-mewt ta’ Epstein ġewwa l-ħabs fl-2019 kinitx veru każ ta’ suwiċidju jew kienx każ li huwa nqatel sabiex ma jinkixfux ħafna nies b’saħħithom li kienu jżuruh.

Ekonomija

Sport