Friday, June 5, 2026

“Dejjem rajt fih serjetà u lealtà f’kull biċċa xogħol li wettaq”

Titħabbar il-mewt ta’ Jonathan Cardona

Aqra wkoll

Waqt iċ-ċerimonja tal-ħatra tal-Kabinett il-ġdid, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kien infurmat bl-aħbar kerha li ħalla din id-dinja Jonathan Cardona. 

Dr Abela qal li anke jekk kienu jafu bil-problemi ta’ saħħa li affaċċja fl-aħħar xhur, dan kien mument ta’ ħasda kbira għalina lkoll. 

Huwa semma kif Jonathan kien strumentali bil-ħidma tiegħu wara l-kwinti biex il-Partit Laburista jirbaħ il-fiduċja tal-poplu fl-2013. Minn hemmhekk, fil-legiżlatura kollha, serva lil pajjiżna f’diversi rwoli ta’ tmexxija f’entitajiet governattivi importanti.

“Dejjem rajt fih serjetà u lealtà f’kull biċċa xogħol li wettaq, kif ukoll tbissima u enerġija f’kull pass ta’ ħajtu. Nagħti l-kondoljanzi sinċiera lill-familja kollha tiegħu,” qal il-Prim Ministru. 

“Jonathan kien wieħed mill-aktar nies intelliġenti li kont naf” – l-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Fost dawk li sellmu l-memorja ta’ Jonathan Cardona kien hemm ukoll l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa beda biex qal li jinsab qalbu maqsuma bil-mewt tal-ħabib tiegħu Jonathan.

Dr Muscat qal li: “Jonathan kien wieħed mill-membri tat-team oriġinali li flimkien bdejna nħejju lill-Partit Laburista għall-Gvern fl-2008. Wara l-2013 kien Chief of Staff ta’ Louis Grech u serva ta’ Mibgħut tiegħi għall-Kunsill Ewropew. Kien il-persuna li ħa ħsieb u mexxa b’integrità l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li permezz tiegħu qed isir ħafna ġid u pajjiżna baqa’ għaddej waqt il-pandemija. Eluf ta’ familji u negozji ma jafuhx imma kien permezz ta’ Jonathan li ġie tant ġid lejn pajjiżna.

“Wara kien ukoll Kap Eżekuttiv tal-Enemalta u f’dawn l-aħħar snin mexxa l-Fond Nazzjonali tal-Iżvilupp u l-Programm ta’ Residenza.

“Kien wieħed mill-aktar nies intelliġenti li kont naf, b’sens ta’ umoriżmu xieref li jsib il-pożittiv f’kollox. Kull Milied meta konna nagħtu rigal żgħir lil xulxin kont nistenna l-ktieb li jagħżilli, u dejjem kont ninfaqa’ nidħak kif nara t-titlu għax kien jiċċombah,” kompla jgħid Dr Muscat. 

“Kienu ilu jiġġieled b’ottimiżmu kontra l-kanċer għal sena. L-aħħar li kellimtu kien bħal-lum ġimgħa xħin qalli li kien għadu kif mar “sammru”. Ħallejna ftit sekondi għaliex it-tnejn konna nafu li ried jgħidli “għall-aħħar darba” wara. Is-Sibt ippruvajt inkellmu biex naqbad ftit miegħu dwar l-Arsenal iżda ma rrispondinix.  Sirt naf li qaleb għall-agħar. L-aħħar li rajtu u mort sellimtlu nhar it-Tlieta avolja ma setax jismagħni.”

“Insellem lil ommu u missieru Louis, martu Claire, uliedu u l-familja,” temm jgħid Dr Muscat.

Dr Muscat tella’ wkoll ritratt ieħor li qal li dejjem kien għal qalbu u se jkun aktar. “Ittieħed wara lejl ta’ Kunsill Ewropew maratona fejn qegħdin jien, Kurt Farrugia, Jonathan u l-Ambaxxatur Daniel Azzopardi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport