L-Iżrael u l-Libanu qablu li jġeddu l-ftehim għal waqfien mill-ġlied bejniethom u sabiex jinħolqu numru ta’ żoni ta’ sigurta “pilota” ġewwa l-Libanu fejn l-operat tal-Hezbollah ikun ipprojbit. Ħabbar dan id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti.
Dan il-ftehim huwa “kundizzjonat minn waqfien komplet” tal-attakki mill-grupp Hezbollah, li huwa appoġġjat mill-Iran, flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra.
Il-midja internazzjonali rrapportat li dan il-pass ittieħed wara li attakki Iżraeljani fin-Nofsinhar tal-Libanu ħallew minn tal-inqas disa’ persuni mejta u wara li l-Hezbollah spara rokits lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael.
Fi stqarrija ntqal li l-Istati Uniti se tgħin fil-ħolqien ta’ “żoni pilota fejn il-Forzi Armati Libaniżi jieħdu kontroll esklussiv tat-territorju, bl-esklużjoni ta’ kull attur mhux statali”. Madanakollu ma ngħatawx aktar dettalji dwar kif dawn iż-żoni se jkunu qegħdin jiffunzjonaw.
Iż-żewġ pajjiżi se jerġgħu jiltaqgħu fit-22 ta’ Ġunju għal aktar taħditiet bl-intenzjoni li jilħqu ftehim li jkun wieħed komprensiv. Il-Hezbollah għadha ma kkummentatx b’rabta ma’ dan il-ftehim.
Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Marco Rubio, kien qal lill-ġurnalisti li huwa jittama li t-taħditiet iwasslu għal “pjan ta’ azzjoni fuq triq lejn is-sigurtà fil-Libanu, indipendenti mill-Hezbollah”.


